Internazzjonali Lokali

Muscat jirbaħ it-titlu ta’ korrott tas-sena

Hekk kif qed toqrob l-aħħar tas-sena, Muscat rebaħ it-titlu ta’ ragel tas-sena għall-kriminalità organizzata u għall-korruzzjoni għas-sena 2019.

Dan skont is-sit OCCRP, li jagħmel rappurtaġġ esklussiv għal kriminalità organizzata u korruzzjoni.

L-artiklu akkumpanjat mal-premju mogħti lil Joseph Muscat, jiddeskrivi l-fatturi prinċipali li jagħmlu parti mil-legat tal-Prim Ministru, bid-deskrizzjoni tinkludi qtil ta’ ġurnalista, ftehim ta’ negozju li kien u huwa maħmuġ, u pajjiż li huwa maħkum minn interessi kriminali.

L-artiklu jżid jgħid li taħt it-tmexxija ta’ Muscat, il-kriminalità u l-korruzzjoni tħallew jiffjorixxu mill-Gvern Malti. U din it-tmexxija ta’ politika falluta, qed theżżeż il-pilastri tad-demokrazija, il-libertà tal-espressjoni u s-Saltna tad-Dritt, mhux biss ta’ Malta, iżda tal-Unjoni Ewropea kollha.

Dan wassal biex inqatlet ġurnalista li kienet qed tikxef skandli ta’ frodi fuq visas, kuntrabandu ta’ armi, żejt, drogi, sajd illegali u ħasil ta’ flus fost ħafna aktar kriminalità organizzata.

Il-ġudikanti li għażlu lil Muscat bħala r-rebbieħ tal-premju tal-korrott tas-sena, huma ġurnalisti u professuri minn madwar id-dinja li jaħdmu kontra l-kriminalità organizzata u l-korruzzjoni.

Skont dan l-istess sit, għall-premju ta’ din is-sena, Muscat għeleb lil politiċi prominenti oħra bħal Donald Trump u Rudy Giuliani li kienu nvoluti fi skandli internazzjonali.

Fil-passat, rebbieħa li rebħu l-istess premju kien hemm Nicolas Maduro li huwa l-President tal-Venezwela li wassal il-pajjiz tiegħu għall-ikbar kriżi li qatt kellu l-pajjiż. Kien hemm ukoll id-Danske Bank, li kien involut fi skandlu ta’ il fuq minn 200 biljun ewro. Apparti wkoll Ilham Aliyev li huwa l-President tal-Azerbaijan u Vladimir Putin, illi kollha kienu jgawdu l-istess premju li din is-sena rebaħ il-Prim Ministru ta’ pajjiżna.