Ambjent Lokali

Proġett ta’ titjib ambjentali għal triq li għadha kemm titlesta f’Ħal Balzan

Proġett li ta bixra ġdida lit-Triq il-Ferrovija l-Qadima f’Ħal Balzan bis-saħħa tal-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan wara inizjattiva ta’ tħawwil tas-siġar bil-għan li tittejjeb il-kwalità tal-lokalità.

It-triq saret mill-ġdid taħt l’id tal-Infrastructure Malta, b’ħidma konġunta mal-Kunsill Lokali, li ħareġ bl-inizjattiva unika sabiex mhux biss jissalvagwardja s-siġar li diġà kien hemm fit-triq, iżda biex ukoll jitħawlu siġar ġodda illi jtejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Tul il-proġett, li ma ħax fit-tul, il-Kunsill Lokali ta prijorità lis-sigurtà tar-residenti, kif ukoll kien ċert li jżomm l-indafa fit-triq sabiex jiġi minimizzat għalkollox l-inkonvenjent għal dawk ir-residenti affetwati.

NET News mar fuq il-post fejn tkellem ma’ Ian Spiteri, is-Sindku ta’ Ħal Balzan li spjega t-titjib li sar f’din it-triq.

Ian Spiteri – Sindku ta’ Ħal Balzan

Il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Balzan ingħaqad ma’ diversi lokalitajiet oħra illi qed jaħdmu favur l-ambjent, anke jekk hemm bżonn li jsir żvilupp.

B’hekk qed jitwassal messaġġ illi f’proġetti bħal dawn, mhix għażla bejn żvilupp u l-ambjent, iżda jekk wieħed jippjana sew, jista’ jiżviluppa l-infrastruttura tal-post u fl-istess ħin isaħħaħ l-element ambjentali fil-post.

Sfortunatament, fl-istess lokalità ħafna residenti jinsabu taħt inkonvenjenza kbira minħabba d-dewmien fil-proġett tal-Infrastructure Malta fi Triq il-Wied. Is-Sindku appella biex jitlesta kemm jista’ jkun malajr dan il-proġett ħalli t-triq terġà tingħata lura lir-residenti.