Lokali

RITRATTI ESKLUSSIVI: Muscat għal Dubaj

Skont rapporti f’sezzjonijiet tal-media, wara li kien f’Betlehem din il-ġimgħa, Joseph Muscat illum mistenni jħalli Malta għal Dubaj. Rapporti mis-sit Lovin Malta jindikaw li l-Prim Ministru mistenni jħalli Malta għall-ħabta ta’ 2.55p.m.

Sorsi li tkellmu ma’ Net News ikkonfermaw li Muscat fil-fatt intlemaħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta bi skorta ta’ madwar tmien persuni bejn nies tas-sigurta’ u staff tal-Ajruport. Net News jista’ jikkonferma li Muscat jinsab fi triqtu lejn Dubaj. Nies li kellmuna qalu li flimkien ma’ Muscat dehru wkoll martu u ż-żewġ uliedhom.

Dubaj kienet fiċ-ċentru tal-investigazzjonijiet li kienet għamlet Daphne Caruana Galizia b’rabta ma’ 17 Black u kontijiet bankarji marbuta ma’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċita’ fl-assassinju tal-ġurnalista. F’dawn l-aħħar siegħat, ħareġ ukoll kif il-Prim Ministru irċieva diversi rigali esklussivi bħal arloġġi limited edition u inbejjed fini b’valur ta’ eluf ta’ ewro mingħand Yorgen Fenech. Yorgen Fenech kien wieħed mill-mistednin distinti għall-festin f’għeluq snin Joseph Muscat fi Frar li għadda fil-Palazz tal-Girgenti.

Ilbieraħ, il-Pulizija tat permess speċjali lil Keith Schembri, l-eks Chief of Staff ta’ Muscat, biex isiefer flimkien mal-familja tiegħu. Skont xhieda fil-Qorti, Keith Schembri għadu investigat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kif ukoll fuq allegat indħil fl-investigazzjoni.

Ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għal din l-aħħar mawra u mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru baqgħu mhux imwieġba.

Fuq Twitter il-Kap tal-PN Adrian Delia ġabar dak kollu li ħareġ f’dawn l-aħħar siegħat: “Inbejjed fini, arloġġi esklussivi u vjaġġi festivi lejn Dubaj u l-Gvern Malti sieket. – Il-Prim Ministru li jmiss kompliċi fis-silenzju tagħhom.”