Internazzjonali

Kazakhstan: Imutu tnax fit-tiġrif ta’ ajruplan…b’għexieren isalvaw

Abbord kien hemm ftit anqas 100 persuna wara li l-ajruplan kien għadu kif telaq mill-ajruport

Mietu tal-anqas tnax-il persuna fit-tiġrif ta’ ajruplan tal-passiġġieri tal-linja Bek Air, iżda għexieren ta’ nies li kienu fuq l-ajruplan irnexxielhom isalvaw ‘b’miraklu’.

L-ajruplan, tat-tip Fokker, kien qed jivvaġġa minn Almaty (l-akbar belt tal-Kazakhstan) lejn il-kapitali, Nur-Sultan, meta baqa’ dieħel dritt għal ġo bini ftit wara t-tlugħ. Fuqu, dak il-ħin kien hemm 100 persuna – passiġġieri u membri tal-ekwipaġġ – b’numru ta’ nies li salvaw jispiċċaw jimxu ’il hinn mill-fdalijiet tal-ajruplan u wara li spiċċaw f’zona koperta bil-borra.

Il-kaġun tat-traġedja ma kienx ċar, għalkemm is-sorsi infurmati qalu li t-titjira fatali kienet qed issir taħt kundizzjonijiet ta’ ċpar. Ir-rapporti, aktar tard , qalu li kien hemm tal-anqas 60 persuna (li kienu fuq l-ajruplan) qed jingħataw it-trattament l-isptar.

Ir-rapporti li baqgħu deħlin qalu li l-pilota tal-ajruplan spiċċa fost il-mejtin u li kien hemm tmint itfal fost il-95 passiġġier abbord — bil-ħamsa l-oħra jkunu membri tal-ekwipaġġ.

Il-kelliema għall-ajruport ta’ Almaty qalu li l-ajruplan, f’daqqa waħda, kien niżel fil-baxx u ħabat ma’ lqugħ tal-konkrit qabel iġġarraf mal-bini inkwistjoni. L-ajruplan, litteralment inqasam f’biċtejn mad-daqqa – bil-kabina tal-pilota tispiċċa mwaħħla ma’ ġenb tal-bini, għalkemm it-tiġrif  ma kkaġunax in-nirien  fuq il-post.

Għalissa qed titwaqqaf kummissjoni speċjali biex tiddetermina l-kaġun tat-tiġrif, bil-President tal-Kazakhstan, Qasym-Jomart Toqayev, jiddikjara jum ta’ luttu nazzjonali.