Lokali

42 sena mill-qtil barbaru ta’ Karin Grech

Illum jaħbat it-42 anniversarju mill-qtil barbaru ta’ Karin Grech, tfajla innoċenti ta’ 15-il sena li nqatlet intortament wara li fetħet ittra-bomba li kienet indirizzata lil missierha, il-Professur Edwin Grech, li kien ġie Malta biex jaħdem fl-Isptar fin-nuqqas tat-Tobba Maltin.

Karin kienet fetħet l-ittra-bomba, imgeżwra f’forma ta’ rigal f’karti tal-Milied, fil-preżenza ta’ ħuha Kevin. Filwaqt li t-tfajla bl-isplużjoni kienet ġarrbet feriti serji f’żaqqha u f’wiċċha, ħuha kien sofra xi feriti ħfief.

Wara dawn is-snin kollha, dan il-każ għadu qatt ma ssolva. Dak iż-żmien, fl-1977, pajjiżna kien mifni bil-ġlieda bejn il-Gvern Soċjalista u t-Tobba. Minn dakinhar, Gvernijiet immexxija minn Dom Mintoff u Karmenu Mifsud Bonnici baqgħu jmexxu l-pajjiż għal 10 snin sħaħ.

Sadanittant, fl-okkażjoni ta’ dan l-anniversarju, fuq Twitter il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia sellem il-memorja ta’ Karin Grech, li qal li kienet vittma innoċenti ta’ sistema politika maħkuma mill-mibgħeda u l-kriminalità. Kompla li hi u l-familja tagħha ħaqqhom li ssir ġustizzja dwar dan il-kapitlu ikrah fl-istorja ta’ pajjiżna.

U fi stqarrija, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalisa Clyde Puli qal li l-Partit jibqa’ jeżiġi verità u ġustizzja dwar dan il-każ, filwaqt li jesprimi x-xewqa li l-poplu Malti jibqa’ jiftakar u jitgħallem minn dan l-episodju mudlam għall-pajjiż ħalli ma jerġax jgħaddi minnu.