Lokali

Chris Fearne se jkabbar il-Kabinett

Hekk kif it-tellieqa għall-mexxej ġdid tal-Partit Laburista qed tersaq lejn l-aħħar ġimgħatejn tagħha, il-kandidati komplew iwegħdu fuq li jwegħdu.

Fost dawn id-deputat Prim Ministru, Chris Fearne, li f’intervista fuq ir-radju Laburista qal li se jkun qed ikabbar il-kabinett.

Ħafna huma dawk li qed iqisu dan bħala tentattiv biex jirbaħ il-voti u biex jikkuntenta lil ħafna deputati tal-Labour li bħalissa jinsabu urtati bil-Gvern tagħhom stess.

Jekk Chris Fearne jsir Prim Ministru u jkabbar il-Kabinett, allura ser ikun qed iżid ukoll spiża oħra fuq il-poplu Malti għall-gwadan tal-ftit tal-qalba. Dan għaliex, Joseph Muscat diġa kellu l-akbar kabinett fl-istorja ta’ Malta u wieħed mill-akbar fid-dinja.

Waqt din l-intervista Chris Fearne kompla jipprova jintgħoġob mal-militanti Laburisti, hekk kif qal li bih bħala mexxej, il-Labour ser jirbaħ l-elezzjoni b’maġġoranza qawwija. Din id-dikjarazzjoni tiġi wara li Fearne, tul il-kampanja tiegħu diġa wera biċ-ċar li ftit li xejn jimpurtah minn Malta, iżda jimpurtah biss mil-Laburisti.

Fost dan kollu, għalkemm qed iwiegħed paġna ġdida, Fearne baqa’ jisħaq li dejjem ħadem ma’ Joseph Muscat, spalla ma spalla għal snin sħaħ … fl-istess perjodu fejn Muscat qed jinkixef b’relazzjoni mil-qrib ma’ Yorgen Fenech u li rċieva rigali ta’ eluf ta’ Ewro mingħand dak li hu akkużat bħala kompliċi fl-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia.Dan il-kliem minn Chris Fearne jasal inqas minn 24 siegħa minn meta Joseph Muscat kien magħul r-raġel tas-sena għall-kriminalità organizzata u għall-korruzzjoni għas-sena 2019.