Cristiano Ronaldo qal li qed jimmira li jsir attur f’Hollywood wara li jirtira mill-karriera ta’ plejer tal-futbol. Ronaldo li għandu 34 sena, irid isegwi l-passi ta’ plejers oħra tal-futbol li dehru fi produzzjonijiet bħal David Beckham u Eric Cantona.
Hu qal dan waqt konferenza ta’ Dubai International Sports, hekk kif bħalissa l-Portugiż qed jieħu l-mistrieħ minħabba li l-kampjonat Taljan tas-Serie A jinsab wieqaf. “Nittama li ngħix aktar minn 50 sena oħra u rrid nipprepara għall-ostakli ta’ ħajja ġdida, u nagħmel affarijiet li ma nafx nagħmel.”
“Eżempju, li nipparteċipa ġo film f’Hollywood. Imma jrid ikollok preparazzjoni tajba, irid ikollok Ingliż eċċellenti, tagħti prestazzjoni mill-aqwa u ma tridx tkun nervuż. Hi diffiċli għalija li nkun nervuż fil-futbol għaliex dak hu li ppreparajt għal ħajti kollha.”
Għalkemm flimkien ma’ Lionel Messi għadu kkunsidrat l-aqwa plejer fid-dinja u għadu f’kundizzjoni fiżika mill-aqwa, Ronaldo għandu 34 sena u għalhekk riesaq lejn il-karriera tiegħu. Sa issa hu skorja 10 gowls f’14-il logħba fil-kampjonat. Il-kampjonat tas-Serie A jkompli meta Juventus jilagħbu kontra Cagliari fis-6 ta’ Jannar.
//= $special ?>