Lokali

Fearne u Abela jċedu u issa ser jikkomunikaw mal-midja Laburista biss; l-oħrajn jibagħtulhom stqarrija

Hekk kif qed joqrob il-jum tad-deċiżjoni għat-tesserati tal-Partit Laburista, qed tidher ċara differenza partikolari mill-ewwel jiem tal-kampanja elettorali.

Dan hekk kif, kemm Chris Fearne kif ukoll Robert Abela f’daqqa waħda sparixxew minn quddiem il-kameras u qed imexxu l-kampanja tagħhom internament u jikkomunikaw mal-midja biss permezz tal-istqarrijiet.

L-iktar każ ċar kien dak ta’ Robert Abela li l-Ħamis bagħat sejħa għall-midja għall-għada, fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista tal-Ħamrun. Għoxrin minuta biss wara, din ġiet kanċellata b’email ieħor lill-midja.

Jidher li waħda mir-raġunijiet hi li ċedew għall-pressjoni interna li kienet qed issirilhom biex jieqfu jiddibattu ma’ midja li mhix dik tal-Partit Laburista.

Fost dawk li wettqu din il-pressjoni kien hemm iċ-Chairman Eżekuttiv tal-istazzjon Laburista. Sigħat biss wara li bdiet il-kampanja, Jason Micallef, kiteb fuq Facebook li qatt ma qabel u mhux se jaqbel issa li l-kampanja għall-Mexxej il-ġdid tal-Partit Laburista tkun estiża għal dibattiti fuq l-istazzjon tal-istat jew midja oħra mhux tal-Partit Laburista.

Jason Micallef qal li jekk dan isir ma jagħmilx sens u ma jkunx fl-interess tal-Partit Laburista għaliex il-Partit Laburista għandu l-mezzi tax-xandir tiegħu u allura m’hemmx il-ħtieġa li l-kandidati għat-tmexxija tal-Partit imorru fuq media oħra li m’hix dik Laburista.

Iżda mhux biss. Sorsi fi ħdan il-Partit Laburista li tkellmu ma’ dan l-istazzjon spjegaw kif uħud mid-dikjarazzjonijiet li għamlu Chris Fearne u Robert Abela urtaw ukoll lill-partitarji Laburisti.

Fost dawn meta t-tnejn li huma qalu li se jbiddlu lill-Kummisarju tal-Pulizija Lawrence Cuatajar, anke jekk ftit jiem wara Robert Abela spiċċa jippoża miegħu.

Anke dikjarazzjonijiet bħal dik ta’ Robert Abela, li qal li mhux kuntent b’partijiet mill-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ma tantx niżlet tajba.

Dan għaliex il-partitarji Laburisti kien ilhom xhur jisimgħu, u jemmnu, lil Joseph Muscat li kien jgħidilhom li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna qed jaħdmu.

Filfatt, kawża ta’ dan is-sentiment intern ta’ partitarji li xejn ma kienu qed jieħdu gost bid-dikjarazzjonijiet pubbliċi, kemm Chris Fearne u Robert Abela rrikorrew għall-istqarrijiet bil-miktub jew fuq il-midja Laburista biex iwasslu l-messaġġi tagħhom.

Dan biex b’hekk il-messaġġ li jitwassal lill-votanti Laburisti jkun wieħed kontrollat u ffiltrat minn dikjarazzjonijiet li jistgħu jkunu ta’ dannu għall-partit.