Lokali

Fl-aħħar tas-sena…nagħtu ħarsa lejn l-avvenimenti ewlenin li mmarkaw l-2019

It-Tlieta NETLIVE se jxandar programm speċjali mis-6pm 'il quddiem

Mill-kriżi politika għat-tqaċċit tas-siġar. Mill-binjiet li ġġarfu għal President ġdid. Traġedji fit-toroq u omiċidji. Qabdiet ta’ droga u wasliet ta’ mijjiet ta’ immigranti. Brexit, il-ħruq tal-Amazonia, u l-qerda tan-Notre Dame.

Dawn huma biss uħud mill-avvenimenti ewlenin li ddominaw is-sena 2019; sena li kien fiha minn kollox, partikolarment għax-xena politika lokali.

L-2019 se nkunu qed intemmuha bil-Prim Ministru Joseph Muscat li għadu jżomm granfat mas-siġġu tal-poter minkejja l-akkużi serjissimi li hemm fil-konfront tiegħu, u minkejja li unions, gazzetti, istituzzjonijiet barranin u s-soċjeta’ ċivili…kollha qed jappellaw biex Muscat jitlaq immedjatament.

Żgur ħadd ma basar li l-2019 kienet se tispiċċa b’dan il-mod għal Joseph Muscat, li bħalissa jinsab għal btala f’Dubaj. U żgur ħadd ma kien jobsor li f’daż-żmien kellna nkunu f’nofs kampanja għal-leadership Laburista.

L-2019 kellha tkun is-sena li fiha, sa fl-aħħar, il-poplu ingħata aċċess għar-Rapport sħiġ tal-Inkjesta Egrant. Dan grazzi għall-insistenza tal-Kap tal-PN Adrian Delia.

Kienet żgur sena xejn sabiħa fejn jidħol l-ambjent u temi relatati mal-ippjanar. F’moħħ kulħadd, l-okkażjonijiet varji li kellna fejn rajna tqaċċit ta’ siġar bl-addoċċ, permessi għal pompi tal-petrol, permessi fuq artijiet ODZ kif ukoll binjiet jiġġarfu.

Ix-xhur tas-Sajf kienu kkaraterizzati minn diversi wasliet ta’ immigranti. F’sena waħda, iddaħlu Malta ‘l fuq minn 2,200 immigrant. Dan wassal ukoll għal numru ta’ rewwixti fiċ-Ċentri fejn jgħixu l-immigranti.

It-toroq Maltin matul l-2019 ħallew ukoll numru ta’ vittmi. Forsi wieħed mill-aktar inċidenti li jibqa’ ittimbrat fuq moħħ kulħadd hu dak li seħħ fir-roundabout ta’ Buqana fil-limiti tal-Mosta; inċident li ħasad il-ħajja ta’ omm u bint.

It-Tlieta l-programm NETLIVE se jagħti ħarsa, xahar b’xahar, lejn il-ġrajjiet kollha li ddominaw din is-sena. Il-programm speċjali jibda għall-ħabta tas-6pm.

Il-programm għandu produzzjoni tan-Newsroom kollha u l-ġurnalisti ta’ Net TV.