Lokali

“Ħsara irreparabbli lil Malta” – L-editorjal tal-Malta Independent

Li l-pożizzjoni ta’ Joseph Muscat m’għadiex tenibbli ilha ċara għal xi żmien … iżda issa li nkixef li ħa rigali prezzjużi mingħand Yorgen Fenech kompla jikkonferma dan.

Jiddikjara dan l-editorjal tal-Malta Independent, fejn jiddikjara li fid-dawl ta’ dak żvelat fl-aħħar sigħat, sar iktar bżonnjuż minn qatt qabel li l-poplu għandu jipprotesta.

L-editorjal ħareġ fid-dawl li fi ftit jiem sar magħruf li Joseph Muscat siefer għat-tieġ ta’ Ali Sadr Hasheminejad, is-sid tal-Bank Pilatus, fejn kienu preżenti wkoll l-eks Chief of Staff Keith Schembri u Yorgen Fenech.

Mingħand l-imprenditur Malti, li jinsab akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Muscat irċieva wkoll żewġ arloġġi, li wieħed minnhom hu esklussiv u jiswa’ iktar minn €20,000.

Dan apparti li l-mexxej Laburista stieden lil Yorgen Fenech għal party ta’ għeluq snin fil-Girgenti u rċieva tliet fliexken inbid li huma stmati li jiswew madwar €5,800.

Waqt li attakka lill-midja, li qal li hi manipulata, Joseph Muscat qatt ma ċaħad li rċieva dawn ir-rigali u issa għand il-Pulizija hemm talba biex Muscat ikun investigat fuq allegat każ ta’ tixħim, korruzzoni u kunflitt ta’ interess.

Fid-dawl ta’ dan kollu, The Malta Independent tiddikjara li Muscat ħassar ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna b’mod irreparabbli minħabba li naqas milli jieħu azzjoni. L-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna huma dgħajfa u għandhom bżonn bidla drastika.

L-editorjal jiddikjara li Muscat, li se jibqa’ mfakkar bħala l-bniedem imdawwar minn diversi skandli, wassal biex il-poplu tilef il-fiduċja fl-istituzzjonijiet u jibqża’ li l-impunità tirrenja f’pajjiżna.

Hu għalhekk li The Malta Independent tiddikjara li hemm bżonn il-protesti fit-toroq, biex il-poplu ġenwin ikompli l-pressjoni fuq l-awtoritajiet biex iwettqu l-bidla li hemm bżonn.

“Muscat qum minn hemm u neħħi lilek innifsek immedjatament għax kull jum li jgħaddi joħloq biss iktar problemi għall-Prrim Ministru li jmiss biex inaddaf,” jiddikjara l-editur ta’ The Malta Independent.