Lokali

Il-Ministru Ian Borg jiftaħar bi triq ġdida kollha diżlivelli

Għaddew biss ftit jiem mindu Triq Ġorġ Borg Olivier fir-Rabat infetħet mill-ġdid għat-traffiku iżda mill-ewwel bdew jidhru d-difetti fiha.

Fost dawn quddiem il-Knisja l-Qadima ta’ San Bastjan fejn it-triq tħalliet immewġa u mhux kompluta, għalkemm il-ħaddiema u l-inġenji issa telqu kollha mill-post.

Din il-parti, wieħed jittama li se ssir fix-xhur li ġejjin, forsi bħala parti minn Triq il-Kulleġġ li tinsab fi stat diżastruż.

Iżda l-kumplament tat-triq, li suppost tinsab lesta, minflok hi mimlija b’diżlivelli, b’mod speċjali madwar kull tappiera fit-triq. Filfatt, kull min jgħaddi mit-triq, jieħu skoss wara l-ieħor kull darba li jgħaddi minn fuq dawn it-tappieri.

Hawn wieħed irid ifakkar li din it-triq kien ilha sena u nofs maqlugħa, b’tibdil kontinwu fid-direzzjoni tat-traffiku, vetturi li kienu qed jispiċċaw iduru fil-qalba tar-raħal u ftit ħaddiema jmifruxa matul din it-triq it-tul tar-Rabat.

Iżda minkejja dan, il-Ministru Ian Borg fuq Facebook ftaħar li din it-triq hi lesta … minkejja li ironikament, anke fir-ritratti li hu stess tella’ fuq il-midja soċjali, jidher id-diżlivell li wieħed isib madwar it-tappieri.

Li ma qalx il-Ministru Ian Borg hu li Transport Malta għadha tkaxkar saqajha biex issib soluzzjoni għal partijiet minn din it-triq li huma dojoq u joħolqu problema meta minnhom tgħaddi xi vettura wiesgħa.

Dan b’mod speċjali jgħodd għal tal-linja, li suppost jingħataw id-dritta iżda diversi sewwieqa jgħaddsu rashom u jikkawżaw konġestjoni.

Oħrajn ikunu sfurzati jitilgħu fuq il-bankina, bil-konsegwenza li ftit sigħat biss wara li t-triq infetħet, il-bankina kienet diġa’ bdiet tisfronda bil-karozzi għaddejjin minn fuqha.

Iżda Ian Borg qed jaħrab minn din il-problema għax jagħmel x’jagħmel jispiċċa jiġġieled mal-votanti tiegħu fid-distrett, bir-Rabtin li jridu li t-triq issir One Way u d-Dinglin joġġezzjonawha bil-qawwa kollha.

Soluzzjoni oħra, hi li ssir sistemà ta’ traffic lights li jaqilbu fuq l-aħmar meta toqrob karozza rreġistrata, bħal tal-linja. B’hekk din tingħata d-dritta kif supost isir diġa.

Hemm ukoll soluzzjoni oħra li ħadd m’għandu oġġezzjoni għaliha – l-infurzar. Dan għaliex il-problema kibret minħabba numru ta’ vetturi kbar li jgħaddu minn hawn illegalment, inkluż trakkijiet u vannijiet kbar. Iżda f’din it-triq, l-uffiċjali li jinfurzaw il-liġijiet ma jidhru qatt.