Lokali

Il-problemi fil-provvista tad-dawl ta’ Ħal Balzan jippersistu

Mill-bidu tax-xahar li għadda, numru ta’ residenti fi Triq il-Ferrovija l-Qadima f’Ħal Balzan bdew jesperjenzaw problemi serji fl-elettriku, li dwarhom l-Enemalta qed tagħmel ftit li xejn.

Net News tkellem ma’ Raymond Fenech, resident li wassal l-ilmenti tiegħu u tal-mijiet li jgħixu fit-toroq affetwati.

Qtugħ ta’ l-elettriku kontinwu li qed joħloq inkonvenjent kbir lil mijiet ta’ residenti f’erba’ toroq separati… pero mhux biss, ir-residenti saħansittra raw wires tad-dawl fit-triq jisparkjaw bir-riskju ta’ xi traġedja issa dejjem qed jikber.

Sfortunatament, dawn ir-residenti waslu f’punt li ma jistgħux jippjanaw li jużaw il-fran tagħhom jew kwalunkwe apparat elettroniku ieħor minħabba l-instabbiltà kontinwa tal-elettriku. Skont ir-residenti li tkellmu magħna u mal-Kunsill Lokali… l-Enemalta ma trid tagħmel xejn dwar dn il-problema.

Mijiet ta’ residenti jinsabu ferm irrabbjati għal fatt li qed iħallsu ħafna għal servizz li mhux jilħaq l-aspirazzjonijiet li tant ftaħar bihom il-Gvern tal-Labour qabel l-Elezzjoni Ġenerali fl-2013.

Dan meta ftaħar bit-tanker tal-gas, anke jekk hemm dubji dwar kemm qed jintuża hekk kif kull darba li jkun hemm ħsara fl-interconnector, pajjiżna kollu qed jispiċċa bla dawl.