Manchester United telgħu momentarjament punt taħt it-tim tar-raba’ post Chelsea meta f’Turf Moor għelbu lil Burnley 2-0. B’hekk huma telgħu fil-ħames post u qabżu fosthom lil Tottenham. Huma fetħu l-iskor ftit qabel tmiem l-ewwel taqsima meta minn żball difensiv, Andreas Pereira tefa’ kross fil-baxx lejn Anthony Martial li minn quddiem Nick Pope ma żbaljax.
Fit-tieni taqsima, Burnley tjiebu u speċjalment fit-tieni nofs tat-tieni taqsima poġġew aktar pressjoni fuq Manchester United. Iżda r-Red Devils saħansitra skorjaw it-tieni gowl fil-95 minuta meta minn kontrattakk, Daniel James qassam lejn Marcus Rashford li waħdu b’xi mod qabeż lil Pope u skorja mill-qrib.
Penalty skorjat minn Harry Kane salva punt għal Tottenham fi draw ta’ 2-2 kontra Norwich City f’Carrow Road. Mario Vrancic fetaħ l-iskor fit-18-il minuta bl-ewwel gowl tiegħu għall-Canaries, b’Teemu Pukki ikollu t-tieni gowl imħassar mill-VAR, minuti wara.
Fit-tieni taqsima, Spurs kisbu parità bi ġmiel ta’ free-kick ta’ Eriksen fil-55 minuta iżda, ħames minuti wara, huma reġgħu sabu ruħhom minn taħt wara awto-gowl banali ta’ Aurier. Intant, kellu jkun Kane li salva wiċċ Tottenham mill-ħdax il-metru meta wara l-fawl fil-kaxxa ta’ Zimmermann fuqu, l-attakkant Ingliż bagħat lill-gowlkiper Tim Krul in-naħa l-oħra tal-ballun għat-2-2 finali.
West Ham United sofrew telfa oħra f’darhom, din id-darba kontra Leicester City li grazzi għal din ir-rebħa, għandhom erba’ punti vantaġġ fuq Manchester City fit-tieni post b’logħba aktar. Din kienet ir-raba’ telfa konsekuttiva għall-Hammers f’darhom, meta huma issa jinsabu f’inkwiet serju lejn in-naħa t’isfel tal-klassifika u bil-pressjoni qed tiżdied fuq il-manager Manuel Pellegrini.
L-ewwel azzjoni denja ta’ nota kienet il-penalty ta’ Demarai Gray għal Leicester li kien salvat mill-gowlkiper Fabianski, iżda l-Foxes marru xorta fil-vantaġġ bid-daqqa ta’ ras ta’ Iheanacho ħames minuti qabel il-mistrieħ. Intant, it-tweġiba ta’ West Ham kienet immedjata, bl-ewwel taqsima tagħlaq 1-1, wara l-gowl ta’ Fornals fil-45 minuta. Fit-tieni taqsima, Leicester dehru organizzati aħjar u ma kinitx sorpriża meta Gray patta għall-iżball bil-gowl deċiżiv għall-Foxes fis-56 minuta wara azzjoni personali.
Everton rebħu t-tieni logħba konsekuttiva minn mindu t-Taljan Carlo Ancelotti ħa r-riedni tat-tim. Doppjetta ta’ Dominic Calvert-Lewin aċċertat il-punti kontra Newcastle United f’St James’ Park. L-ewwel gowl ta’ Calvert-Lewin fit-13-il minuta, wasal minn taħwida quddiem il-lasta, bl-attakkant jixħet ġewwa meta l-ballun spiċċa f’saqajh wara tentattiv ta’ Sigurdsson.
Newcastle wettqu reazzjoni, b’Almiron jolqot sieq il-lasta u b’Fabian Schar jagħmilhom 1-1 fis-56 minuta fuq l-assist ta’ Andy Carroll. Intant, kellu jkun żball ta’ Carroll li rriżulta fil-gowl tar-rebħa għal Everton fl-64 minuta, b’Theo Walcott jisraqlu l-ballun u jgħaddih lil Richarlison li dendel kross għan-nofs għal Calvert-Lewin biex ikkonverta mill-viċin.
L-attakkant Iranjan Alireza Jahanbakhsh, skorja l-ewwel gowl tiegħu għal Brighton fir-rebħa tas-Seagulls bl-iskor ta’ 2-0 fuq Bournemouth fl-Amex Stadium. Il-gowl tal-ftuħ minn Jahanbakhsh wasal wara biss tliet minuti meta l-attakkant, li kien qed jilgħab is-27 logħba tiegħu mal-klabb, irċieva ballun perfett mingħand Neal Maupay u spara xutt tremend fir-rokna tax-xibka.
Brighton komplew jiddominaw b’Dan Burn ikollu t-tieni gowl imħassar mill-VAR u b’Yves Bissouma jolqot il-lasta wara azzjoni personali. Bournemouth rari heddew il-lasta ta’ Matt Ryan u fid-79 minuta Aaron Mooy ikkontrolla l-kross ta’ Trossard qabel għeleb lill-gowlkiper Ramsdale għat-tieni darba.
Southampton u Crystal Palace spiċċaw fi draw ta’ 1-1 f’St Mary’s Stadium, bis-Saints jistgħu jħossuhom diżappuntati li ma kisbux it-tliet punti prezzjużi biex jitilgħu f’post trankwill fil-klassifika. Il-gowls waslu fit-tieni taqsima, bid-difensur ta’ Palace James Tomkins, jiċċelebra t-350 logħba fil-karriera tiegħu b’daqqa ta’ ras li ħabtet mal-mimduda u għelbet lill-gowlkiper McCarthy fil-50 minuta. Is-Saints żiedu fl-attakki u kwarta mit-tmiem, Danny Ings approfitta mill-passaġġ lura ħażin ta’ Martin Kelly biex avvanza u xeħet ġewwa għad-draw.
Watford komplew juru titjib taħt il-manager il-ġdid Nigel Pearson, u rnexxielhom jegħlbu lil Aston Villa 3-0, minkejja li lagħbu l-aħħar nofs siegħa b’raġel anqas. Il-Villains mill-ġdid dehru xotti mill-ideat, b’Watford jiksbu l-vantaġġ minn Troy Deeney li, tliett minuti qabel il-mistrieħ, kien fil-post eżatt biex għeleb lil Tom Heaton — sekondi wara li l-gowlkiper kien salva t-tentattiv ta’ Doucoure.
Fit-tieni taqsima, tkeċċa d-difensur tal-Hornets Mariappa, li ntwera żewġ sofor fi spazju ta’ sitt minuti iżda Watford żiedu fl-isforzi tagħhom u fis-67 minuta Deeney għamilhom tnejn grazzi għal penalty mogħti għal fawl ta’ Luiz fuq l-istess plejer. L-aħħar kelma għall-Hornets kienet ta’ Ismaila Sarr li għamilhom tlieta fil-71 minuta wara li rċieva mingħand Capoue.
Premier League
Illum: Brighton v Bournemouth 2-0, Burnley v Manchester United 0-2, Newcastle v Everton 1-2, Norwich v Tottenham 2-2, Southampton v Crystal Palace 1-1, Watford v Aston Villa 3-0, West Ham v Leicester 1-2
Għada: Arsenal v Chelsea 3.00pm, Liverpool v Wolves 5.30pm, Manchester City v Sheffield United 7.00pm
//= $special ?>