It-tbassir tat-temp għall-jiem li ġejjin, meta ħafna jkunu qed isellmu lill-2019 u jippreparaw għall-2020, ma tantx jidher promittenti.
Dan hekk kif l-aħħar jiem ta’ din is-sena mistennija jġibu magħhom kesħa fina. Waqt li s-Sibt it-temperatura laħqet is-16-il grad, il-Ħadd mistenni li din tonqos sew bl-ogħla temperatura titla’ għal 12-il grad … 4 gradi inqas minn lejliet.
It-temperatura tkompli tonqos mal-lejl u mistennija saħansitra tinżel sa tmien gradi celcius.
Jekk wieħed iħares lejn it-tbassir tat-temp maħruġ mill-Uffiċċju Meterjoloġiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, jidher li anke ċ-ċelebrazzjonijiet ta’ tmiem is-sena se jsiru f’temp xitwi.
Dan hekk kif fil-lejl ta’ bejn it-Tlieta u l-Erbgħa, jiġifieri bejn l-aħħar ta’ din is-sena u l-ewwel tas-sena d-dieħla, it-temperatura filgħaxija se tibqa’ f’livell ta’ tmien gradi u msemmija wkoll ħalbiet tax-xita iżolati.
Biex tkompli tgħaxxaq, hu msemmi wkoll ir-riħ, li f’dawn il-jiem mistenni jkun wieħed qawwi mit-Tramunata li jilħaq sa forza sitta.
Madankollu l-ewwel jum tas-sena mistenni jġib miegħu ix-xemx, bil-konsegwenza li t-temperatura matul il-jum terġa’ titla’ għal 15-il grad celcius. Din it-tendenza aktarx li tkompli anke fil-jiem ta’ wara.
Jekk it-tbassir tat-temp isir realtà, it-temperatura allura tkun f’livell inqas mill-medja ta’ dan iż-żmien tas-sena. Dan għaliex, skont rekord f’pajjiżna, it-temperatura medja għal matul il-ġurnata normalment tkun ta’ 14.4 gradi celcius f’Diċembru u 12.8 gradi celcius.
Għal matul il-lejl, il-medja normalment tkun ta’ 11.6 gradi u 9.9 gradi celcius rispettivament għal Diċembru u Jannar.
//= $special ?>