Futbol Sport

Pellegrini jitkeċċa minn manager ta’ West Ham

(Ritratt: EPA)

It-telfa ta’ 2-1 li West Ham sofrew kontra Leicester, wasslet biex tkeċċa l-manager Manuel Pellegrini. Din kienet id-disa’ telfa ta’ West Ham fl-aħħar 12-il logħba u fissret li l-Hammers jinsabu fis-17-il post, punt biss fuq iż-żona tar-relegazzzjoni.

Pellegrini li għandu 66 sena, ħalla lil West Ham wara sena u nofs fit-tmexxija. Hu kien inħatar f’Mejju tas-sena l-oħra b’kuntratt ta’ tliet snin. Iċ-Ċilen mexxa lil West Ham sal-għaxar post l-istaġun li għadda iżda din it-tkeċċija hi s-sitt waħda fil-Premier League f’dan l-istaġun.

Minbarra l-forma diżappuntanti fil-kampjonat, West Ham kienu wkoll eliminati mil-League Cup mit-tim tal-League 1 Oxford United bl-iskor ta’ 4-0. Pellegrini mexxa lil West Ham għal 64 logħba li minnhom rebaħ 24 u tilef 29 konfront.

Il-Hammers kisru r-rekord ta’ trasferiment tal-klabb darbtejn fi żmien Pellegrini. Fl-2018 huma akkwistaw lil Felipe Anderson mingħand Lazio għal madwar €42 miljun u fis-sajf li għadda kisbu s-servizzi tal-attakkant Sebastien Haller għal kważi €52 miljun. Kemm kien ilu Pellegrini manager tal-klabb, West Ham nefqu madwar €180 miljun.