Lokali

Raġel, aktarx taħt l-effett tad-droga, jattakka diversi Pulizija

Fis-sigħat li ġejjin mistenni jitressaq quddiem il-Qorti Spanjol ta’ 32 sena  wara li pprova jweġġa’ uffiċjali tal-Pulizija meta ssejħu fuq rapport ta’ ksur ta’ ordni pubblika.

Kienu għal ħabta tal-ħamsa u nofs tas-Sibt filgħodu li l-Pulizija stazzjonati fl-Għassa ta’ San Ġiljan intalbu jassistu f’lukanda fi Triq Schreiber, f’San Ġiljan.

Dan wara li wieħed mir-residenti fil-lukanda kien qed jagħmel l-istorbju. Wara li l-Pulizija kellmuh, ir-raġel aċċetta li joħroġ mil-lukanda.

Madankollu, madwar sagħtejn wara, huwa reġa’ rritorna, iżda ma tħalliex jidħol mill-impjegati tal-istess lukanda. Kif ra hekk, huwa qaleb mutur li kien ipparkkjat quddiem il-lukanda.

Mill-ġdid il-Pulizija intalbu jassistu u malli rahom, ir-raġel beda jinsulenta lill-Pulizija u ħarab jiġri minn fuq il-post.

Huwa inqabad fi Triq Gort, iżda pprova jirreżisti l-arrest. Allegatament huwa beda jagħti lill-Pulizija bis-sieq, beżqilhom, kif ukoll kien se jigdem kuntistabbli, waqt li qatta’ parti mill-uniformi ta’ kuntistabbli ieħor.

Ir-raġel ittieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan taħt arrest u minn tfittxija li saret instab fil-pussess ta’ sustanza ta’ kulur aħdar suspettata droga.

Hawn hu ġie skortat lejn il-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana. L-investigazzjonijiet qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett ta’ San Ġiljan.