Lokali

Sitt xhur wara u għad hemm ħafna inċertezza

Sitt xhur wara li ġġarfilhom parti mill-appartament tagħhom, ir-residenti ta’ blokka appartamenti f’Tal-Pietà għadhom bla risposta u kellhom jgħaddu l-jiem tal-Milied f’postijiet mikrija.

Waħda mir-residenti – Janet Walker – tkellmet mat-Times of Malta u tenniet li l-ħidma ħajt ma’ ħajt kompliet minkejja d-diversi rapporti u ilmenti sakemm eventwalment waqa’ l-ħajt u l-bini tagħhom ċeda.

Iżda llum, minkejja li għaddew dawn ix-xhur kollha, tgħid li għad għandha ħafna mistoqsijiet, fosthom min beħsiebu jerfa’ r-responsabbiltà. Dan minbarra l-fatt li, minħabba li għadha għaddejja l-Inkjesta Maġisterjali, lanqas biss għandhom idea meta se jkunu jistgħu jidħlu fl-appartamenti imqar biex jiġbru l-affarijiet personali li għad fadlilhom fuq ġewwa.

Janet fakkret li meta seħħ it-tiġrif, ir-residenti ħarġu b’ta’ fuqhom senduqhom – min b’xi qmis ta’ ġewwa jew bix-shorts għax kien għadu s-Sajf. U fost it-trawma u l-konfużjoni, dawn komplew jinkwietaw meta bdew jiġu bżonn l-affarijiet bażiċi li kellhom fl-appartamenti.

Hi nnutat ukoll kif uħud mir-residenti l-oħra tal-blokka milquta qed isibuha aktar diffiċli għax m’għandhomx id-dħul finanzjarju li għandhom huma. Spjegat li wħud minn dawn jgħixu b’pagi li bilkemm iservuhom minn xahar għall-ieħor.

Janet kompliet li minħabba li għadhom mingħajr deadlines jew xi forma ta’ assikurazzjoni, jibqgħu jittamaw li s-sitwazzjoni tissolva mill-aktar fis possibbli. Dan aktar u aktar meta s-sidien u l-kuntratturi tal-art qrib tagħhom għadhom mhux qed jinżammu responsabbli ta’ dak li ġara.

“Ma nixtieqx ngħaddi xi 20 sena dieħla u ħierġa l-Qorti, iżda sempliċiment li mmur lura f’dari”, sostniet il-mara. Dan waqt li appellat għat-tweġibiet u li l-Gvern ifittex jara kif se jipproteġihom.

B’hekk ma jibqgħux jiġu misruqa minn darhom u mir-rutina tagħhom … iżda jieħdu lura dak li qed jitolbu għalih bi dritt.