Futbol Sport

Tintemm ir-relazzjoni bejn Miguel Alba u Birkirkara

(Ritratt: Catriel Farrugia)

L-esperjenza ta’ Miguel Alba ma’ Birkirkara damet nofs staġun hekk kif ġie rilaxxat minn mal-klabb u b’hekk jista’ jingħaqad ma’ liema klabb irid. Il-paġna ta’ Replay fuq facebook irrappurtat li hemm interess minn tal-anqas żewġ klabbs tal-Kampjonat Premier iżda sa issa għadha ma wasslet l-ebda offerta uffiċjali lill-plejer u għalhekk fil-preżent għad m’hemmx idea fejn Alba jista’ jkompli l-karriera tiegħu.

F’dan il-kampjonat, Alba lagħab tmien logħbiet u skorja erba’ gowls. Hu kien regolari fl-ewwel tmien logħbiet, b’eċċezzjoni tas-seba’ logħba kontra Ħamrun Spartans. Iżda fl-aħħar erba’ logħbiet tal-kampjonat u l-konfront kontra Nadur Youngsters fl-FA Trophy, Alba ma kienx fl-iskwadra.

F’Lulju li għadda, l-Arġentin kien f’nofs kontroversja meta sar magħruf li kien ipprova jiffirma kuntratt ma’ Club Jorge Wilstermann tal-Bolivja wara li l-firma tal-kuntratt tiegħu ma’ Birkirkara. Hu kien immultat mill-klabb Malti u reġa’ kien integrat fl-iskwadra.

Il-plejer ta’ 31 sena kien iffirma kuntratt ta’ sentejn, f’dak li kien ritorn ma’ Birkirkara. Hu kien ingħaqad magħhom f’Jannar tal-2017 u kien lagħab sa tmiem l-istaġun iżda ma nżammx mill-klabb. Hu rritorna fil-Kampjonat Premier f’Jannar tas-sena l-oħra ma’ Valletta u speċjalment fl-istaġun li għadda, spikka fir-rebħ tal-kampjonat li rebħu l-Beltin. Ma’ Valletta, Alba rebaħ darbtejn il-kampjonat, l-FA Trophy u s-Super Cup u fl-MFA Awards ta’ din is-sena ġie magħżul bħala l-aqwa Plejer Barrani.