Lokali

Żagħżugħ iweġġa’ lil Spettur tal-Pulizija waqt kontroll tat-traffiku

Żagħżugħ ta’ 23 sena  residenti x-Xgħajra ġie arrestat wara li allegatament ħebb għal Spettur tal-Pulizija waqt kontroll tat-traffiku li sar mill-Pulizija.

Il-kontroll sar matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimħa u s-Sibt f’Ħaż-Żabbar, b’dan il-każ iseħħ għall-ħabta tas-siegħa u nofs ta’ filgħodu.

Wara li s-sewwieq twaqqaf biex issir tfittxija fil-vettura tiegħu, ir-raġel ħareġ mill-vettura u beda jkun aggressiv fil-konfront tal-Pulizija, kif ukoll tas-suldati. Waqt li kien qed jiġi arrestat u mmanettjat, ir-raġel ħebb għall-Ispettur, bil-konsegwenza li kkawżalu xi ġrieħi.

L-istess raġel rriffjuta li jieħu t-test tal-breathalyzer qabel ġie skortat lejn il-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali l-Floriana għal aktar investigazzjonijiet. 

Is-Sibt hu tressaq il-Qorti, wieġeb mhux ħati u ngħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garazija personali ta’ €5,000. Dan minbarra diversi kundizzjonijiet oħra li ġew imposti fuqu.

Waqt l-istess kontrolli nstabet sustanza suspettata ħaxixa tal-cannabis f’vettura misjuqa minn mara ta’ 28 sena minn Ħaż-Żabbar kif ukoll f’vettura oħra misjuqa minn raġel ta’ 25 sena miż-Żejtun

Dan waqt li żagħżugħ ta’ 18-il sena minn Ħaż-Żabbar inqabad isuq vettura bla liċenzja. Miegħu fil-vettura kien hemm żagħżugħ ta’ 19-il sena minn Ħaż-Żabbar. Fil-karozza nstabu sustanzi suspettati kokaina u cannabis.

 Raġel ta’ 44 sena minn Raħal Ġdid twaqqaf mill-Pulizija hekk kif allegatament kien se jipprova jsuq minn fuq il-post wara li ngħata sinjal biex jieqaf.

Dan tal-aħħar m’obdiex l-ordnijiet tal-Pulizija u anke rriffjuta li jagħmel it-test tal-breathalyzer. Sewwieqa ta’ vetturi oħra twaqqfu wara li nstabu jsuqu bla liċenzja tas-sewqan u li kienu qed isuqu taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Il-Pulizija se tkun qed toħroġ akkużi fil-konfront ta’ dawn il-persuni.Il-kontroll tat-traffiku tal-lejl li għadda tmexxa mill-Pulizija tad-Distrett, assistiti minn Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku, tar-Rapid Intervention Unit, tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, mis-Sezzjoni tal-Klieb, flimkien ma’ membri tal-Forzi Armati.