Internazzjonali

Fażi finali tal-iskambju tal-priġunieri bejn ir-Russja u l-Ukrajna

Ir-Russja u l-Ukrajna bdew il-fażi finali tal-iskambju ta’ priġunieri li kienet mistennija għal żmien. Dan meta l-awtoritajiet qablu dwar l-iskambju (intiż biex itejjeb ir-relazzjonijiet bejn il-ġirien) waqt taħditiet li seħħew aktar kmieni fix-xahar.

L-Ukrajna kienet mistennija tgħaddi mad-90 separatista b’lealtà lil Moska lill-awtoritajiet Russi — bir-Russja tirreċiproka b’li tagħti lura mal-55 ġellied b’simpatiji mal-Ukreni. Il-proċess ta’ skambju, intant, qed isir f’checkpoint viċin il-belt ta’ Horlivka, fir-reġjun ta’ Donetsk.

Ir-relazzjonijiet bejn ir-Russja u l-Ukrajna qalbu sew għall-agħar fl-2014, meta r-Russi ħatfu l-penisola tal-Krimea (eks art tal-Ukrajna) u għaqqduha mat-territorju tagħhom.Ftit taż-żmien wara, ribelli appoġġjati mir-Russja bdew kampanja separatista fir-reġjuni ta’ Donetsk u Luhansk lejn il-Lvant tal-Ukrajna. Fil-konflitt sussegwenti tilfu ħajjithom ‘il fuq minn 13,000 persuna.

Sadanittant, dan l-iskambju ta’ priġunieri hu, fil-fatt, it-tieni wieħed bejn ir-Russja u l-Ukrajna.

F’Settembru li għadda, inħelsu 24 baħri li kienu nħatfu mill-qawwiet Russi ‘il hinn mill-Krimea, f’każ li kien imur lura għal Novembru tal-2018. Kien hemm ukoll żvilupp kontroversjali meta ‘persuna ta’ interess’ b’konnessjoni mat-twaqqigħ ta’ Titjira 17 tal-Malaysia Airlines ingħata lir-Russja.

L-ajruplan inkwistjoni kien twaqqa minn rokit, fis-17 ta’ Lulju tal-2014, waqt li kien għaddej minn fuq l-Ukrajna tal-Lvant u bir-riżultat li mietu l-283 passiġġiera u l-ekwipaġġ ta’ ħmistax ta’ fuqu. It-twaqqigħ kellu jseħħ f’zona kontrollata mir-ribelli favur ir-Russja.

Waqt din l-aħħar fażi tal-iskambju tal-priġunieri, numru ta’ attivisti li huma kontra l-iskambju pruvaw jagħlqu l-ħruġ mill-ħabs fi Kiev fejn kienu qed jinżammu wħud mill-priġunieri favur ir-Russja. L-attivisti, intant, ipprotestaw dwar il-ħelsien tal-eks membri tal-Berkut – il-pulizija Ukreni għal kontra l-irvellijiet akkużati dwar il-qtil ta’ għexieren ta’ nies fid-dimostrazzjonijiet favur id-demokrazija li saru fl-Ukrajna, fi Frar tal-2014.