Futbol Sport

Il-VAR terġa’ tispikka fir-rebħa ta’ Liverpool fuq Wolves … Chelsea jdawru telfa f’rebħa

(Ritratt: EPA)

Liverpool komplew jirbħu meta f’Anfield għelbu lil Wolves 1-0 f’logħba li l-VAR kienet iċ-ċentru tal-attenzjoni. B’din ir-rebħa huma jinsabu b’vantaġġ ta’ 13-il punt b’logħba anqas fuq Leicester.

Huma skorjaw il-gowl tar-rebħa fit-42 minuta permezz ta’ Sadio Mane, gowl li kien konfermat bil-VAR minħabba suspett li Adam Lallana seta’ miss il-ballun b’idu. Wolves kienu għoddhom ġabu d-draw fil-ħin miżjud tal-ewwel taqsima b’xutt fil-baxx ta’ Pedro Neto, iżda f’din l-okkażjoni, il-gowl tħassar għal gowl tħassar għal offside millimetriku ta’ Jonny.

Chelsea dawru telfa f’rebħa biex fl-Emirates Stadium għelbu lil Arsenal 2-1 u saħħew ir-raba’ post. B’hekk il-manager il-ġdid tal-Gunners Mikel Arteta għadu qed ifittex l-ewwel rebħa. Kienu Arsenal li fetħu l-iskor fit-13-il minuta b’daqqa ta’ ras ta’ Pierre-Emerick Aubameyang li tħalla żmarkat fuq it-tieni lasta.

Chelsea ġabu d-draw fit-83 minuta meta Jorginho ħa vantaġġ minn ħarġa ħażina ta’ Bernd Leno u skorja f’lasta vojta. Il-gowl tar-rebħa wasal erba’ minuti wara meta minn kontrattakk, kien Tammy Abraham li għeleb lil Leno b’xutt fil-baxx.