Leonardo Jardim tkeċċa minn kowċ ta’ Monaco għat-tieni darba f’anqas minn sena. Floku nħatar l-eks kowċ nazzjonali ta’ Spanja Robert Moreno li ffirma kuntratt sal-2022. Monaco jinsabu fis-seba’ post fil-Ligue 1, 17-il punt wara l-leaders u champions Paris Saint-Germain.
Jardim mexxa lil Monaco għar-rebħ tal-Ligue 1 kif ukoll għas-semifinali tal-UEFA Champions League fl-2017. Iżda hu tkeċċa f’Ottubru tas-sena l-oħra wara bidu negattiv. Il-kowċ Portugiż reġa’ nħatar madwar tliet xhur wara, wara li t-tneħħija tas-suċċessur tiegħu Thierry Henry.
Din se tkun l-ewwel opportunità għal Moreno li jmexxi klabb wara li kien assistent ta’ Luis Enrique ma’ Roma, Celta Vigo, Barcelona u t-tim nazzjonali Spanjol. Hu kien sar kowċ ta’ Spanja f’Ġunju wara li Enrique kien irriżenja minħabba raġunijiet personali.
Iżda hu kien sfurzat li jispiċċa mill-kariga wara li l-Federazzjoni Spanjola ddeċidiet li terġa’ taħtar lil Enrique biex ikompli x-xogħol li kien wettaq qabel waqfa.
//= $special ?>