Internazzjonali

L-Awstralja: Twissija għall-evakwazzjoni ta’ eluf fl-Istat ta’ Victoria

Għexieren ta’ eluf ta’ residenti u turisti qed ikunu mwissija biex jevakwaw mill-Istat ta’ Victoria fejn is-sitwazzjoni tan-nirien qalb l-aħrax qed tidher dejjem aktar  serja.

Intant, it-temperaturi tas-sħana tremenda (‘il fuq minn 40 gradi Celsius) u l-fatt li l-irwiefen bdew jonfħu f’direzzjoni differenti jfissru li għada, it-Tnejn, għandu jkun jum ta’ ‘perikolu sostanzjali’ għar-residenti tal-Istat.

It-twissija hi waħda urġenti, bir-residenti fiz-zona ta’ East Gippsland ikunu avżati biex ifittxu jitilqu mill-inħawi sas-sigħat bikrin tat-Tnejn.

Bħalissa għadhom qed jaqbdu ‘il fuq minn 100 nirien qalb l-aħrax u foresta madwar l-Awstralja.

L-akbar nirien ħakmu qrib il-belt ta’ Sydney fi New South Wales, fejn aktar minn kwart ta’ miljun resident iffirmaw petizzjoni biex ma jsirx il-programm tal-logħob tan-nar għal Lejliet l-Ewwel tas-Sena.

Il-firmatarji jridu li l-flus iddedikati għall-programm, minflok, ikunu investiti fl-isforzi għall-emerġenza, meta l-iskwadri tal-firefighters għadhom qed jippruvaw jikkontrollaw il-kriżi li ilha għaddejja l-ġimgħat.