Mara u żewġt ibniet ta’ seba’ snin mietu waqt valanga li seħħet waqt li huma kienu qed jipprattikaw is-skiing fl-inħawi ta’ Val Senales, lejn in-Nofsinar ta’ Tyrol, qalb l-Alpi Taljani. Il-mara, li kellha 35 sena, kienet l-omm ta’ waħda mill-bniet mejtin u l-aħħar rapporti kienu qed jirreferu għat-tliet vittmi bħala ‘ċittadini mill-Ġermanja’.
It-traġedja seħħet meta t-tlieta kienu f’għoli ta’ 2,400 metru f’din iz-zona tal-Alpi viċin il-fruntiera mal-Awstrija. Intant, skwadra magħmulha minn 70 ħaddiem u tliet ħelikopters irkupraw il-katavri tal-vittmi wara tfittxija intensiva fl-inħawi. Fit-tfittxija għall-katavri ħadu sehem ukoll membri tal-Carabinieri u tal-Guardia di Finanza Taljana.
Sar magħruf ukoll li tnejn mill-vittmi mietu fuq il-post waqt li waħda mill-bniet mietet l-isptar wara li twasslet hemmhekk b’urġenza bil-mezzi tal-ajru.
Il-valanga ħalliet numru ta’ midruba fost il-membri tal-istess grupp li kienu qed jipprattikaw is-skiing.
Intant, l-awtoritajiet qalu li ma kienx hemm ħjiel ta’ periklu qabel il-valanga u mhumiex jeskludu li l-valanga setgħet kienet ikkaġunata min-nies li, waqt l-iskijjar, kienu ħarġu mir-rotta indikata għad-dilettanti.
//= $special ?>