Lokali

Ma jiċħadx li rċieva arloġġ u inbejjed lussużi

F’kollegament telefoniku fuq ir-radju Laburista li ħa inqas minn erba’ minuti filwaqt li jinsab f’Dubai, il-Prim Ministru Joseph Muscat ma ċaħadx li rċieva arloġġ u inbejjed lussużi m’għand Yorgen Fenech, li jinsab akkużat kompliċi fl-assissinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kemm ilu Prim Ministru, Joseph Muscat għamel dawn il-kollegamenti fit-tul iżda llum ma sabx wisq xi jgħid fid-dawl tal-kriżi li daħħal lil Malta fiha u qal biss li hu għamel dmiru u se jkompli jagħmlu.

F’mossa partiġġjana hu għażel biss li jattakka lill-Prim Ministri ta’ qablu – Prim Ministri li tajjeb wieħed isemmi li qatt ma spiċċaw fil-lista tal-personalitajiet l-aktar korrotti fid-dinja kif filfatt spiċċa Joseph Muscat.

Joseph Muscat qal li mhux se joqgħod jilgħab logħob u jgħid nofs l-affarijiet pero spiċċa biex ma qal xejn.

Il-Prim Ministru reġa’ għal darb’oħra għamel aċċen għall-għaqda fil-Partit Laburista li bħalissa ftit li xejn hemm minħabba gwerra u tellieqa interna għal min se jieħu post Joseph Muscat.

Żewġ kandidati li qed iwegħdu paġna ġdida minkejja li tul dawn l-aħħar snin kienu spalla ma’ spalla ma Muscat f’nofs kriżi nazzjonali u nuqqas ta’ deċiżjonijiet. Pero minkejja li d-dinja kollha qed tirrikonoxxi li t-tmexxija ta’ Muscat falliet, għall-Prim Ministru, ikun min ikun magħżul minnhom, se jkompli jmexxi lill-pajjiż f’direzzjoni tajba ħafna.