Lokali

AĠĠORNATA: Malta tirrifjuta l-evakwazzjoni ta’ 6 tfal u mara tqila fost 10 f’qagħda kritika

Il-vapur Alan Kurdi, li fuqu hemm 32 persuna bi 12 minnhom huma tfal, jinsab fil-port ta’ Pozzallo, Sqallija għall-kenn mill-maltemp. Dan wara li Malta rrifjutat li ddaħħal l-immigranti f’pajjiżha, liema immigranti huma kollha Libjani.

Il-Gvern Malti saħansitra rrifjuta li jdaħħal għaxar immigranti li għandhom bżonn kura medika. Fost dawn hemm sitt itfal u mara tqila li jinsabu f’qagħda kritika ta’ saħħa. L-iżgħar mit-tfal hi tarbija ta’ tliet snin.

Skont is-Sea Eeye, l-għaqda li tmexxi l-bastiment Alan Kurdi, il-mara tqila qed issofri minn dehydration filwaqt li t-tfal mhux jieklu minnħabba stress u għax il-baħar għamlilhom ħażin.

Abbord hemm tim mediku biex jgħati l-assistenza tiegħu. L-immigranti ilhom minn nhar il-Ġimgħa li ġew salvati mill-baħar minn Alan Kurdi.

Il-Kummissjoni Ewropeja bdiet bi proċeduri biex l-immigranti jinżlu Malta ħalli jintgħataw il-kura meħtieġa u iktar tard jiġu rilokati f’pajjiżi oħra.