Sport Sport Ieħor

Murray iħabbar li se jitlef l-Open tal-Awstralja

(Ritratt: EPA)

Andy Murray ħabbar li mhux se jilgħab fl-Open tal-Awstralja fil-bidu tas-sena d-dieħla minħabba li għandu uġigħ fil-pelvis. It-tliet darbiet rebbieħ ta’ Grand Slam li għandu 32 sena, kien qed jittama li jilgħab fl-ewwel Grand Slam individwali minn meta proprju fl-Open tal-Awstralja, kien ħabbar li l-karriera setgħet kienet intemmet. Hu mhux se jilgħab l-anqas għat-tim Britanniku fl-ATP Cup.

“Sfortunatament kelli problema u bħala prekawzjoni rrid naħdem fuqha qabel nikkompeti. Ħdimt iebes biex inpoġġi lili nnifsi f’sitwazzjoni fejn nista’ nilgħab fl-ogħla livell u ninsab dispjaċut li mhux se nkun nista’ nilgħab,” qal Murray.

Hu kien ilu ma jilgħab mill-ewwel logħba tat-tim Britanniku fit-Tazza Davis ix-xahar li għadda. L-eks numru wieħed tad-dinja għadda minn operazzjoni f’ġenbu 11-il xahar ilu u fil-preżent jinsab fil-125 post fir-rankings tad-dinja.

Wara l-operazzjoni li kien għamel, Murray beda r-ritorn fil-court billi kkompeta fid-doubles. Hu għamel ir-ritorn kompetittiv fl-individwali f’Awwissu u xahrejn wara rebaħ l-Open ta’ Antwerp. Minn dakinhar hu lagħab biss logħba fit-Tazza Davis kontra Tallon Griekspoor.

“Wara l-Open tal-Awstralja aktar kmieni din is-sena, fejn ma kontx ċert jekk hux se nkun nista’ nerġa’ nilgħab, kont eċċitat li nirritorna fl-Awstralja u nagħti l-aħjar tiegħi, u dik tagħmilni aktar diżappuntat,” kompla Murray.

Murray mhux se jilgħab logħba qabel Frar, bl-ewwel tournament għalih hu f’Montpellier. Minflok imur l-Awstralja, hu se jibqa’ d-dar tiegħu u jkompli bit-taħriġ biex itejjeb il-kundizzjoni fiżika. L-Open tal-Awstralja jibda fl-20 ta’ Jannar u jibqa’ sejjer sat-3 ta’ Frar.