Lokali

Muscat għandu jwieġeb għar-rigali li rċieva

Wara rapport ta’ numru ta’ rigali lussużi li l-koppja Muscat irċiviet, din għandha twieġeb għal dan minkejja li wieħed m’għandux jaċċetta rigali meta jkun qed jgħati servizz lil poplu waqt li jkun fil-Gvern.

Dawn ir-rigali jammontaw għal flejjes kbar li rċievew fl-aħħar żewġ leġiżlaturi. Dan kollu jikkonradixxi bil-kbir dak li kien jipprietka l-istess Muscat qabel l-2013 meta kien jakkuża lil ministru tal-Gvern għax allegatament irċieva arloġġ ta’ €300.

Jidher li l-koppja Muscat kienet tgħix fil-lussu ta’ parties, safar, rigali u iktar filwaqt li l-ħaddiem Malti ssielet biex jipprova jlaħħaq mal-ħajja u jgħix diċenti.

U kif jgħidu, min mejjet għal qatra u min fis-sakra għal qatra hekk kif f’pajjiżna għandna xejn inqas minn 90,000 persuna li qed tgħix fil-parametri u r-risku tal-faqar.

L-ewwel rigal kbir li rċieva Joseph Muscat kien dak li ta lilu nnifsu hu stess meta kien kera l-karozza tiegħu lilu nnifsu bi spiża ta’ għexieren ta’ eluf ta’ ewro kull sena, liema azzjoni qatt ma saret minn prim ministru ieħor Malti.

It-tieni skandlu li s’issa pajjiżna jaf bih hu dak tal-arloġġ b’valur ta’ €20,000 li Muscat irċieva mingħand in-negozjant Yorgen Fenech fl-2014, liema rigal ġie ftit ġimgħat wara li Muscat kien approva garanzija mill-Gvern ta’ €88 miljun f’forma ta’ self lill-konsorzju Electro Gas, garanzija li fi ftit xhur żdiedet bi €22 miljun.

It-tielet rigal li allegatament aċċettat il-koppja Muscat huma tliet fliexken inbid mill-aktar fini li jiswew eluf ta’ ewro u li ġew mgħotija wkoll minn Yorgen Fenech. Dawn ġew mgħotija waqt festin privat f’għeluq snin Joseph Muscat, liema festin kien sar fil-Palazz tal-Girgenti.

Jidher li Yorgen Fenech kien ħabib personali ta’ Muscat tant li anke kienu siefru flimkien għat-tieġ tas-sid tal-Bank Pilatus, liema bank kien qed jintuża biex jinħaslu miljuuni ta’ ewro. Iżda minkejja l-ħbiberija, Muscat irrifjuta li jgħati l-maħfra presidenzjali li Yorgen Fenech talab għaliha fl-aħħar ġimgħat.