Internazzjonali

Stati Uniti: Feruti waqt attakk fuq ir-residenza ta’ Rabbi fl-Istat ta’ New York

Il-pulizija fl-Istat ta’ New York qed tinvestiga attakk li sar fuq ir-residenza ta’ Rabbi ( reliġjuż tal-Lhud) u li fiha spiċċaw midruba talanqas ħames persuni. Fil-ħin tal-attakk kienet għaddejja ċelebrazzjoni reliġjuża ( tal-Hanukkah) għal-Lhud fid-dar, li tinsab f’Monsey, lejn in-naħa ta’ fuq tal-belt ta’ New York.

Ir-rapporti, wara, urew li l-aggressur, li kien armat b’machete (sikkina kbira), daħal għall-għarrieda fuq l-għexieren ta’ parteċipanti f’din iċ-ċelebrazzjoni u mal-ewwel infexx fl-attakk qalil fuq kulmin inzerta quddiemu, qabel ħarab mill-post.

Intant, il-pulizija, wara, qalu li kienu qed iżommu raġel suspettat bħala l-aggressur u meta l-iskop wara l-attakk għadu mhux ċar.

L-attakk ftit wara li l-pulizija fi New York ikkonfermaw li l-uffiċjali tal-liġi kienu żiedu l-eżerċizzji tar-ronda qalb id-distretti ddominati mir-residenti Lhud. Dan ukoll wara li bdew jiċċirkulaw sensiela ta’ theddid anti-Semitiċi u b’numru ta’ Lhud jispiċċaw vittmi ta’ xi attakki.

Il-Gvernatur ta’ New York, Andrew Cuomo, fisser l-attakki fuq il-Lhud bħala ‘reat kodard u despikabbli’ u enfasizza li l-anti-Semitiżmu, flimkien mal-mibgħeda razzjali, imorru kontra kull kunċett ta’ inklużjoni u diversità fis-soċjetà.