Lokali

Argument fil-Ħamrun: wieħed jaqla’ daqqa ta’ mus, ieħor jaħrab mill-post

Argument bejn żewġ Maltin fil-Ħamrun wassal biex wieħed minnhom isofri ġrieħi gravi kkawżati minn daqqa ta’ mus waqt li l-aggressur ħarab mill-post.

Il-każ seħħ fi Triq Dun Nerik Cordina Perez, fil-Ħamrun u jidher li l-argument inqabad minn diversi kameras tas-sigurtà ta’ ħwienet fiż-żona.

Kollox beda ftit wara s-13:00 iżda jidher li l-argument kien eskalazzjoni ta’ storja bejn it-tnejn li ilha tiżviluppa. Tant hu hekk l-mara li kienet qed takkumpanja lill-vittma, instemgħet tgħajjat il-kliem: “Għidtlek biex togħqod attent minnu.”

Waqt li r-raġel li ndarab ittieħed mill-post permezz ta’ ambulanza, waqt li kien għadu f’sensieh, l-aggressur ħarab mill-post u qed jiġi mfittex mill-Pulizija.

L-investigazzjonijiet dwar dan il-każ qed jitmexxew mill-Għassa tal-Ħamrun.