Internazzjonali

Awstralja: Tiżdied it-theddida mill-fjammi — iżda ma jitħassarx il-logħob tan-nar ta’ Sydney

Il-periklu min-nirien qalb foresta kompla jikber għal eluf ta’ Awstraljani, meta għexieren ta’ nirien baqgħu jaqbdu bla kontroll ma’ kullimkien. Dan meta t-temperaturi tas-sħana qabżu l-40 gradi Celsius fi kwalunkwe Stat tal-pajjiż.

Is-sitwazzjoni spiċċat tassew gravi għal madwar 30,000 resident u turisti li fl-aħħar sigħat kienu mħeġġa biex jitilqu minn East Gippsland – li hu reġjun popolari għall-btajjel. Intant, ftit wara t-twissijiet inizjali, l-awtoritajiet waslu għall-konklużjoni li l-evakwazzjonijiet tan-nies kellhom ikunu ‘wisq riskjużi’ peress li n-nirien kienu qegħdin javvanzaw lejn it-toroq prinċipali.

L-aħħar rapporti qalu li voluntier mal-iskwadri tal-firefighters miet waqt li kien qed jikkumbatti n-nirien fl-Istat ta’ New South Wales. Ingħad li l-voluntier miet meta t-trakk li kien fiha nqaleb lejn il-lvant ta’ Albury, bi tnejn oħra jisfaw midruba. B’kollox mietu għaxar persuni f’din il-kriżi tal-bushfires li ilha tifni lill-Awstralja minn Settembru.

Intant, l-element ta’ periklu ‘ma setax ikun enfasizzat biżżejjed’, bil-mewġa tas-sħana u l-irwiefen joħolqu kundizzjonijiet ‘mill-agħar’ fl-Istat ta’ Victoria.

F’East Gippsland, tliet nirien kbar kienu qed jaqbdu qrib l-ibliet ta’ Bruthen, Buchan u Bonang u bil-kundizzjonijiet isiru aktar diffiċli meta t-temperaturi sparaw ‘il fuq. Dan meta l-irwiefen baqgħu jixprunaw il-fjammi lejn l-artijiet tal-kosta ‘b’rata aktar mgħaġġla milli mistenni’.

L-ebda bidla fil-programm ta’ Sydney…

Mhux se jkun pospost il-famuż programm tal-logħob tan-nar għall-aħħar tas-sena fuq il-Pont ta’ Sydney – u minkejja li l-Awstralja qed tiffaċċja waħda mill-akbar kriżi tan-nirien fl-istorja moderna.

Mijiet ta’ eluf ta’ nies kienu ffirmaw petizzjoni biex, għada, ma jsirx l-ispettaklu ta’ piroteknika u fejn talbu biex il-flus involuti, minflok, jintefqu fuq l-isforzi attwali lejn it-trażżin tan-nirien terribbli li qegħdin jheddu l-ħajja u l-proprjetà.

Intant, is-servizzi ta’ New South Wales għal kontra n-nirien ikkonfermaw li l-ispettaklu fuq Sydney Harbour Bridge ġie approvat ‘u se jipproċedi xorta’. Dan meta l-awtoritajiet  qed jikkunsidraw numru ta’ eżenzjonijiet f’sitwazzjonijiet fejn (għalissa) huma assolutament ipprojbiti attivitajiet li jinvolvu kull xorta ta’ wirjiet pirotekniċi.

Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, insista li l-logħob tan-nar ta’ għada bil-lejl jridu jsiru, irrispettivament min-nirien qalb il-foresti. Dan meta spjega li ‘id-dinja dejjem tħares lejn Sydney bħala ikona ta’ passjoni u suċċess, kulmeta joqrob tmiem is-sena’.