Lokali

Bi ġrieħi serji wara inċident fil-Qala

Kmieni dalgħodu, raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, wara li kien involut f’inċident stradali fil-Qala, Għawdex.

Il-Pulizija kienu infurmati għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ filgħodu li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq l-Imġarr, il-Qala, wara li kienet seħħet ħabta frontali.

Il-Pulizija tad-Distrett marru minnufih fuq il-post fejn minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 33 sena residenti l-Munxar,Għawdex, kien qiegħed isuq il-vettura tat-tip Ford KA fl-imsemmija triq meta għal xi raġuni tilef il-kontroll bil-konsegwenza li l-vettura spiċċat fuq innaħa l-oħra tat-triq  u kellha impatt ma’ ħajt.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku li taw l-ewwel għajnuna u ambulanza ħadet lil vittma l-Isptar Ġenerali t’Għawdex għall-kura meħtieġa. Iktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.