Kultura Lokali Transport

Ċelebrazzjonijiet fil-Belt Valletta se jilqgħu lis-sena l-ġdida

Bħalma jsir f’bosta bliet ewlenin madwar l-Ewropa u d-dinja, it-Tlieta filghaxija, fil-belt kapitali Maltija se jsiru ċ-ċelebrazzjonijiet nazzjonali li bihom tintlaqa’ s-sena l-ġdida.

Dawk li se jerħulha lejn il-Belt Valletta jistgħu jgawdu spettaklu ta’ 6 sigħat fuq il-palk prinċipali f’Misraħ San Ġorġ li jibdew mit-8 ta’ filgħaxija u jtulu sas-2 ta’ filgħodu.

Fost l-aqwa talent lokali li se jieħu sehem f’dan l-ispettaklu bi dħul b’xejn, wieħed isib lill-band Għawdxija, The Travellers, Ozzy Lino & The Candy Moths, Kevin Calleja flimkien Kurt Calleja u Gaia Cauchi waqt li jagħlaq is-serata d-dj lokali, D-Rey.

Nate Darmanin, Frank Zammit u Valentina Rossi se jkunu l-preżentaturi matul is-serata.

Ma jonqsux l-effetti speċjali fuq il-palk u l-murtali, sinonimi ma’ dawn iċ-ċelebrazzjonijiet, li se jilqgħu s-sena l-ġdida f’atmosfera maġika u kkulurita.

Minbarra ċ-ċelebrazzjonijiet f’Misraħ San Ġorġ, se jkun hemm big screens armati tul Triq ir-Repubblika u l-madwar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, l-organizzaturi inkoraġġixxew lil dawk li se jerħulha lejn il-Belt Valletta biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku, kemm permezz tal-karozzi tal-linja kif ukoll bil-baħar minn u lejn tas-Sliema u l-Kottonera, bis-servizz se jkun estiż sas-2 ta’ filgħodu.

Iżda l-organizzaturi dehru maħsuda meta kienu mistoqsija jekk ħasbux biex tiġi indirizzata l-problema ta’ nuqqas karozzi tal-linja disponibbli fil-venda biex iwasslu lin-nies lura fl-ibliet u l-irħula, wara l-fjask tas-sena l-oħra.

Dan wara li s-sena li għaddiet il-venda kienet ippakkjati bin-nies, u diversi minnhom spiċċaw l-art wara li l-aħħar vjaġġ telaq mimli u m’għabbihomx.