Fl-aħħar ħin Net News kiseb dokument uffiċjali li jgiddeb dak li qal il-Prim Ministru Joseph Muscat. Jiġifieri li meta ħa f’idejh it-tmexxija tal-pajjiż ma sab l-ebda rigali, la f’Kastilja, la f’Villa Francia u lanqas fil-Palazz tal-Girgenti. Skont Muscat, l-amministrazzjoni Nazzjonalista ma ħalliet xejn fl-uffiċini u r-residenzi, “lanqas lapes”.
Id-dokument huwa wieħed uffiċjali u huwa datat nhar it-8 ta’ Marzu 2013 – jumejn biss qabel l-elezzjoni tal-istess sena. Iżda skont Muscat, jumejn wara, hu ma sab xejn minn dawn. Aktar minn hekk, hu qal li ma kienx hemm handover ta’ rigali lill-istat. Xi ħaġa li dan id-dokument igiddeb bl-aktar mod ċar, iswed fuq l-abjad.
Dan id-dokument, li fih 11-il paġna, jelenka lista ta’ rigali u jindika wkoll eżatt il-post fejn tħallew f’dawn it-tlett binjiet li jintużaw mill-Prim Ministru u minn martu Michelle Muscat, mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista fl-2013.
Wieħed jistaqsi allura jekk dawn l-oġġetti għadhomx propjetà tal-Istat, kif kienu sal-elezzjoni tal-2013. U jekk le, x’għamel bihom Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat.
Dawn ir-rigali huma oġġetti li jkunu ġew preżentati lill-Prim Ministru. Il-lista turi biċ-ċar li r-rigali li ngħataw tul is-snin, sal-2013, ġew meqjusa bħala rigali lill-Istat.
Dawn huma l-11-il paġna tad-dokument uffiċjali iffirmat u ttimbrat.












