Lokali

Il-Gvern imġiegħel jibdel liġi diskriminatorja mal-Pulizija

Il-Gvern Malti nstab ħati li ddiskrimina mal-Pulizija f’dak li għandu x’jaqsam mal-liġi tas-saħħa u s-sigurtà  fuq il-post tax-xogħol.

Fid-dawl ta’ dan il-Gvern Malti ġie mġiegħel mill-Kummissjoni Ewropea  biex jirranġa anomalija fil-liġi li huwa implimenta mid-Direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post ix-Xogħol.

Dan għax il-liġi kif implimentata mill-Gvern Malti fissret li kienet tkopri kull ħaddiem Malti għajr lill-uffiċjali tal-Korp.

Kienet l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Pulizija, l-MPA, li ressqet ilment mal-Kummissjoni Ewropea lura fl-1 t’Ottubru tal-2016.

Hekk kif illum l-MPA ngħatat raġun, Net News tkellem ma’ Johann Cremona, Segretarju Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni.

Dan in-nuqqas kien qed iwassal sabiex id-drittijiet tal-Membri tal-Korp tal-Pulizija jkunu serjament preġudikati fejn tidħol saħħa u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.

Dan hekk kif sew l-obbligi ta’ min iħaddem kif ukoll il-protezzjoni li toffri l-Awtorita’ kompetenti f’dan il-qasam ma kienux disponibbli għall-Pulizija.

B’din ir-rebħa, l-MPA rnexxielha din il-bidla sostanzjali biex b’hekk, f’każ ta’ kwalunkwe nuqqas ta’ tħaris tar-regolamenti dwar is-saħħa u s-sigurta’ fuq il-post tax-xogħol tal-Pulizija, jista’ jintalab l-intervent tal-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol.