Lokali

Il-Maltin qed iħallsu prezz ogħla għall-gass

Il-prezz tal-gass fuq livell Ewropew naqas drastikament wara li fil-Mediterran kien hemm rekord ta’ bastimenti li ssuplixxew lill-portijiet Ewropej.

Tant hu hekk li pajjiżi bħar-Renju Unit tant iffrankaw flus mill-gass mixtri fil-pajjiż li l-Gvern Ingliż naqqas it-tariffi tal-enerġija għall-konsumaturi.

Filfatt f’dan il-pajjiż il-prezz tal-gass tant tbaxxa li issa jinsab fl-iktar livell baxx fl-aħħar għaxar snin wara li kien hemm wasliet ta’ diversi bastimenti mill-Istati Uniti, ir-Russja u l-Qatar.

Iżda f’pajjiżna, fejn suppost qed nużaw il-powerstation il-ġdida li taħdem bil-gass, u li tant jiftaħar biha l-Gvern Laburista, jidher li mhux se tmissna l-istess xorti.

Dan għaliex, meta l-Gvern Laburista għażel lill-Electrogas, rabat ukoll lil pajjiżna li jixtri l-gass mingħand is-Socar wara diskussjonijiet li nżammu fil-moħbi.

B’dan il-ftehim, iffirmat fl-2015, pajjiżna ntrabat li jixtri l-gass għal prezz fiss ta’ €9.40 kull unit … jew differenza ta’ kważi $6 u nofs bejn dak li qed inħallsu aħna u l-prezz internazzjonali bħalissa.

Il-medja tal-prezz ta’ kull unit ta’ gass fl-2019 kienet ta’ $4.81. F’Novembru, il-prezz internazzjonali tal-gass saħansitra kien 37.69% inqas minn dak ta’ sena ilu.

Iżda minkejja li pajjiżna qed iħallas iktar mid-doppju għal kull unit ta’ gass, meta nkixef dan il-ftehim sigriet, il-Ministru Kornad Mizzi kien ftaħar bih għax qal li l-importanti hu li jkollna kontinwità ta’ provvista.

Wara li mijiet ta’ eluf ta’ dokumenti ġew illijkjati mill-konsorzju tal-Electrogas, li ntagħżlet biex tibni l-power station u tibniha, sar magħruf li b’dan il-ftehim il-poplu Malti u Għawdxi qed jitlef għexieren ta’ miljuni ta’ ewro.

U dan it-telf għandu jibqa’ jippersisti, anke għaliex il-Gvern Laburista rabat lil pajjiżna bi ftehim li sar bejn l-Electrogas u s-Socar għal valur ta’ biljun dollaru Amerikan u li jibqa’ validu u li jorbotna għal għaxar snin.

Il-ftehim ifisser ukoll li, irrelevanti minn kemm jorħos il-prezz tal-gass fuq livell internazzjonali, l-Enemalta tkun marbuta li tonfoq €131.6 miljun f’gass mingħand l-Electrogas.

S’issa, jekk wieħed iqabbel il-prezz internazzjonali tal-gass u dak li ħallasna f’Malta, il-Gvern Malti ħareġ mit-taxxi tal-poplu Malti u Għawdxi iktar minn $90 miljun iktar mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Il-power station tal-gass tinsab ukoll fiċ-ċentru tal-kontroversja, mill-ġdid, wara li ssemmiet fil-Qorti bħala waħda mir-raġunijiet li allegatament wasslu għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.Dan hekk kif Yorgen Fenech, akkużat b’kompliċità f’dan l-assassinju, hu wieħed mis-sidien tal-kumpanija Electrogas, li ntagħżlet biex tibni u tmexxi din il-power station.