Lokali

Il-Pulizija għadha trid tinterroga lil xi persuni b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia

L-investigaturi li qed imexxu l-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia għadhom ma kellmux lil Ray u Franco Fenech, iz-ziju u ħu Yorgen Fenech.

Dan minkejja li anke fil-Qorti, l-ismijiet tagħhom issemmew bħala l-persuni li allegatament kienu parti minn pjan biex Yorgen Fenech jaħrab minn Malta.

Ray Fenech, iz-ziju, filfatt issemma’ minn Melvin Theuma, il-middleman fl-assassinju, kif ukoll mill-Ispettur Keith Arnaud, li qed imexxi l-investigazzjoni. Dan tal-aħħar irrefera għal Ray bħala l-persuna li allegatament kien qed jikkomunika ma’ Fenech biex jinfurmah bl-aħħar żviluppi fil-każ.

F’konverżazzjoni bejniethom Ray jinforma lil Yorgen li Melvin Theuma aktarx jingħata l-maħfra presidenzjali. Waqt li Yorgen Fenech jgħidlu li jixtieq jitlaq lejn Franza u jitolbu jiħodlu ħsieb it-tfal, Ray javżah biex imur bil-baħar, mhux bl-ajru u biex ma jużax credit cards

Fid-dawl ta’ dan, Arnaud jiddikjara fil-Qorti li hu ovvju li Yorgen Fenech kien qed jipprova jaħrab minn Malta.

Sorsi qrib The Malta Independent saħqu li mhux ċar jekk Ray Fenech kienx jaf li Yorgen Fenech kien qed jipprova jaħrab u m’hemmx provi ċari li hu kien qed iħejjilu xi pjan.

Filfatt Ray Fenech ma jistax jiġi arrestat sempliċiment fuq akkużi li kien jaf li Yorgen Fenech għamel xi reat iżda mhux eskluż li jiġi mitkellem mill-Pulizija b’rabta mal-attentat li jaħrab Yorgen Fenech.

L-istess sorsi ddikjaraw li f’dan il-mument Ray u Franco Fenech mhux priorità fl-investigazzjoni dwar l-allegat pjan biex Yorgen jaħrab minn pajjiżna.

Waqt li ta’ kuljum qed joħorġu dawn id-dettalji, fil-Qorti għaddejja kważa kostituzzjonali fejn Yorgen Fenech jitlob li Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan għax jakkużah li kien qed jinforma lil Keith Schembri b’dak li kien għaddej waqt l-investigazzjoni.F’rikors kostituzzjonali ieħor, Yorgen Fenech jakkuża lill-investigaturi b’dilettantiżmu. Fost oħrajn għax ifakkar li dawn qatt ma rnexxielhom jiskopru bil-ħbiberija kważi fraterna li kien hemm bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri – ħbiberija li skont ix-xhieda tal-middleman Melvin Theuma u fi kliem Fenech, Keith kien lest jagħmel kollox għalih.