Lokali

Il-qtugħ fis-servizz tad-dawl qed iħalli mpatt fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin

Prime Minister Joseph Muscat at the sail away of ARMADA LNG MEDITERANIA at Keppel shipyard Singapore

Għal darb’oħra llum partijiet minn Malta spiċċaw mingħajr provvista tal-elettriku.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista nnota li dan qed iħalli mpatt fuq il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin partikolarment fuq l-ekonomija ta’ pajjiżna, speċjalment f’dawn iż-żminijiet tas-sena.

“Hi sitwazzjoni li tfakkarna fl-agħar waqtiet tat-tmeninijiet. Minbarra n-nuqqas ta’ informazzjoni ċara dwar is-sitwazzjoni teknika min-naħa ta’ min hu responsabbli, u dwar kemm din se ddum għaddejja, l-akbar tħassib għall-Partit Nazzjonalista hu n-nuqqas ta’ viżjoni tal-Gvern fis-settur tal-enerġija,” jinnota l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma David Agius.

“Illum il-poplu ma baqagħlux l-iċken dubju li l-pjanijiet tal-enerġija li Joseph Muscat ippreżenta fl-2013 ma kellhomx l-għan li jsolvu l-kwistjonijiet tekniċi li kellha Malta dak iż-żmien u wisq inqas li jiżguraw prezzijiet tal-enerġija kompetittivi fit-tul u sigurtà fil-provvista. Issa qed jidher iżjed ċar li s-sistema tal-enerġija li għandu pajjiżna mhix b’saħħitha biżżejjed għall-eżiġenzi tal-lum u qed tfalli mal-iċken problema li tikkawża kollass tas-sistema kollha.”

Mill-informazzjoni li għandu l-Partit Nazzjonalista, il-problemi fl-interconnector bejn Malta u Sqallija qed ikomplu jikbru minħabba problemi oħrajn fin-netwerk tad-distribuzzjoni li ma ġewx indirizzati fl-aħħar snin.

U għaldaqstant, il-bidliet il-kbar li saru fis-settur tal-ġenerazzjoni tal-enerġija qed iħallas qares għalihom is-settur tad-distribuzzjoni. Dan qed iseħħ għax il-Gvern qatt ma kellu viżjoni sostenibbli u fit-tul, u filwaqt li ammetta li qed jiffoka biss fuq iż-żieda fil-GDP billi jkabbar il-popolazzjoni mingħajr ma jqis il-konsegwenzi li din iġġib magħha, fosthom li nkunu neħtieġu sistema aħjar tal-ġenerazzjoni u d-distribuzzjoni tal-elettriku, issa nafu wkoll li fis-settur l-unika pjan kien it-tixħim u l-qerq mill-klikka ta’ Kastilja.

Dan in-nuqqas ta’ viżjoni joħroġ fid-dieher ukoll fl-aħħar pjanijiet dwar l-enerġija u t-tibdil fil-klima li l-gvern ippreżenta lill-Kummissjoni Ewropea u li ma jinkludu l-ebda miżura f’dan ir-rigward.  

Għaldaqstant il-Partit Nazzjonalista jappella lill-Ministru responsabbli biex jagħti spjegazzjonijiet ċari dwar il-qagħda attwali f’dan is-settur u jippreżenta lill-poplu pjanijiet ċari u fit-tul li jiżguraw soluzzjonijiet darba għal dejjem għal dawn il-problemi.

Il-biċċa l-kbira tas-setturi ekonomiċi ta’ pajjiżna jeħtieġu provvista tal-enerġija sigura u bla interruzzjonijiet, u għalhekk mingħajr dan kollu tkun qed tbati l-ekonomija kollha.