Lokali

“In-negozji qed isofru telf finanzjarju kbir minħabba l-qtugħ tad-dawl” – l-MHRA

Il-President tal-MHRA Tony Zahra

Wara li diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex reġgħu kienu bla dawl għat-tieni darba fi ftit sigħat, l-MHRA appellat lill-Enemalta biex tassumi r-responsabbiltà għat-telf finanzjarju konsiderevoli li qed isofri n-negozju.

L-Assoċjazzjoni tal-Lukandi u r-Ristoranti qalet li s-sensiela ta’ qtugħ tad-dawl hi inaċċettabbli u fakkret li ilha snin targumenta li pajjiżna m’għandux sors ta’ elettriku li hu kostanti.

Qalet li s-sitwazzjoni hi iktar kritika hekk kif din is-sitwazzjoni qed isseħħ fi żmien il-festi, bil-konsegwenza li t-telf finanzjarju għan-negozju hu ikbar.

Filwaqt li tifhem li tista’ tinqala’ xi ħsara, l-MHRA qalet li s-sitwazzjoni preżenti mhux aċċettabbli. L-MHRA saħansitra talbet biex l-MCESD tlaqqa’ b’mod urġenti lid-diretturi tal-Enemalta u lill-imsieħba soċjali jispjegaw x’qed jiġri.