Internazzjonali

Korea ta’ Fuq: Kummenti ta’ Kim Jong-un iżidu mat-tħassib…

epa08094513 A photo released by the official North Korean Central News Agency (KCNA) on 30 December 2019 shows North Korean leader Kim Jong-un presiding over the second-day session of the 5th Plenary Meeting of the 7th Central Committee of the Workers' Party of Korea, in Pyongyang, North Korea, 29 December 2019. EPA-EFE/KCNA EDITORIAL USE ONLY

Il-Mexxej tal-Korea ta’ Fuq, Kim Jong-un, sejjaħ għal ‘miżuri pożittivi u offensivi’ li jaċċertaw ‘is-sigurtà u s-sovranità’ tal-Istat komunista.Kim kien qed jitkellem waqt laqgħa għall-mexxejja tal-partit komunista fi Pyongyang u li mhix qed titqies bħala avveniment tas-soltu f’dan iż-żmien tas-sena.

Il-kummenti jistgħu jkunu anki sinifikanti minħabba t-tħassib li l-Korea komunista kapaċi twarrab min-negozjati mal-Istati Uniti dwar id-denuklearizzazzjoni tal-penisola Koreana. Intant, l-akbar biża’ hi li l-Korea ta’ Fuq tibda mill-ġdid il-provi regolari għall-armamenti bil-kapaċità għall-qerda tal-massa.

Għalkemm il-kumment dwar ‘il-miżuri pożittivi u offensivi’ jista’ jitqies bħala vag, l-indikazzjonijiet huma li Kim ried jissostanzja l-impenn lejn it-tisħiħ tal-programm tal-armi – tattiċi jew strateġiċi – ta’ pajjiżu.

Fl-istess ħin, id-diskors mistenni ta’ Kim Jong-un għall-bidu tal-2020 x’aktarx li jitfa’ dawl ġdid fuq il-vera direzzjoni li beħsiebha taqbad il-Korea komunista. Dan wara li r-reġim fi Pyongyang hedded, din is-sena, biex ‘jaqbad direzzjoni ġdida’ f’każ li l-Istati Uniti, sal-aħħar tal-2020, ma toffrix il-konċessjonijiet (lill-Korea ta’ Fuq) waqt taħditiet dwar il-kunċett nukleari.

Filwaqt li l-laqgħat tal-Partit Komunista li jmexxi lill-Korea ta’ Fuq bdew nhar is-Sibt u komplew l-għada, l-aħħar indikazzjonijiet, skont ir-rapporti, huma li l-iskeda tat-taħditiet fi Pyongyang għadha għaddejja .

Il-laqgħa plenarja tal-Partit Komunista hi avveniment ewlieni fejn il-partit ifassal id-deċiżjonijiet relatati mat-tmexxija tal-Istat. Intant, numru ta’ osservaturi jemmnu li din il-laqgħa sservi, fil-parti kbira, biex tikkonferma l-politika li jkun ressaq Kim Jong-un li għandu poter assolut fil-Korea ta’ Fuq.

F’dan iż-żmien ta’ inċertezza, Robert O’Brien, bħala l-konsulent dwar is-sigurtà nazzjonali għall-White House (f’Washington), għamilha ċara li l-Istati Uniti għandha biżżejjed għodda f’idejha biex twieġeb għal kwalunkwe theddida mill-Korea ta’ Fuq.

Hu saħaq li filwaqt li l-Istati Uniti qed tirriserva l-ġudizzju dwar il-kummenti ta’ Kim Jong-un, ‘it-Tmexxija f’Washington għandha tesprimi s-sens ta’ diżappunt straordinarju f’każ li l-Mexxej komunista jiddeċiedi li jaqbad it-triq tal-konfrontazzjoni’.