West Ham ikkonfermaw li David Moyes irritorna mal-klabb bħala s-suċċessur ta’ Manuel Pellegrini li tkeċċa s-Sibt li għadda wara t-telfa kontra Leicester. West Ham bħalissa jinsabu fis-17-il post fil-Premier League, punt biss fuq iż-żona tar-relegazzjoni għalkemm għandhom logħba nieqsa.
Moyes li ffirma kuntratt ta’ sena u nofs, kien inħatar fit-tmexxija tal-Hammers l-ewwel darba f’Novembru tal-2017. Hu kien ħa t-tmexxija tat-tim mingħand Slaven Bilic, bit-tim f’sitwazzjoni simili. Iżda l-Iskoċċiż irnexxielu jżomm lit-tim fil-Premier League hekk kif spiċċaw fit-13-il post.
Dakinhar, Moyes ma kienx baqa’ jmexxi lit-tim hekk kif is-sidien ta’ West Ham kienu ħadu deċiżjoni li jaħtru lil Pellegrini. Għalkemm l-isfida hi simili, Moyes jemmen li din l-iskwadra hi aħjar milli kellu sena u nofs ilu.
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, Moyes wera l-kuntentizza tiegħu li rritorna mal-klabb minn Londra. Hu qal li ma jistax jistenna biex jibda għaliex ħass in-nuqqas li ma kienx mal-klabb. “Naħseb li għandu jkun hemm pjan qasir biex niksbu r-rebħiet li bihom nitbiegħdu miż-żona ta’ isfel u dak li se nagħmlu fis-sitt xhur li ġejjin. Il-bidu hu biex niffukaw veru fuq il-logħob b’mod immedjat.”
Moyes se jagħmel id-debutt fit-tieni esperjenza bħala manager ta’ West Ham kontra Bournemouth fl-Ewwel tas-Sena.
//= $special ?>