Internazzjonali

Stati Uniti: Imwiegħda azzjoni dwar ‘il-kriżi anti-Semitika’ fi New York

Is-Sindku ta’ New York, Bill de Blasio, ħabbar sensiela ta’ miżuri fir-rigward tal-‘kriżi ġenerata mill-attakki anti-Semitiċi’ tal-aħħar jiem. Dan wara li raġel armat b’sikkina, nhar il-Ħadd, spiċċa jħebb għal grupp ta’ nies li kienu qed jiċċelebraw avveniment għal-Lhud, fejn uħud spiċċaw feruti.

De Blasio qal li qed tissaħħaħ is-sigurtà fiz-zoni residenzjali għal-Lhud u li l-iskejjel għandhom jgħallmu lill-istudenti biex irażżnu u jikkontrollaw is-sentimenti ta’ mibgħeda. Il-President Amerikan, Donald Trump, sadattant, bagħat messaġġ biex in-nies jingħaqdu ‘ħalli jeliminaw il-pjaga tal-anti-Semitiżmu’ qalb is-soċjetà.

L-attakk tal-Ħadd kien sar fid-dar ta’ Rabbi f’Monsey, fl-Istat ta’ New York u fejn kienet għaddejja ċelebrazzjoni tal-Hanukkah, li hi festa ewlenija għal-Lhud. L-aggressur suspettat — identifikat bħala Grafton Thomas (residenti ta’ Greeenwood Lake, fi New York)  u li spiċċa arrestat mill-pulizija – kien ħareġ sikkina kbira u beda jaggredixxi lin-nies preżenti biha.

Intant, fl-aħħar sigħat tressqu akkużi dwar attentat ta’ qtil fil-konfront tas-suspettat li qed jinżamm il-ħabs u li qiegħed jinsisti li mhux ħati mill-akkużi. Dan meta l-avukat ta’ Thomas qed jgħid li s-suspettat ma kellu l-ebda reputazzjoni bħala bniedem vjolenti għalkemm ammetta li l-klijent tiegħu ‘għandu storja twila ta’ mard mentali’.

Fl-istess ħin, l-awtoritajiet fi New York qegħdin jaħdmu biex isaħħu l-ħarsien tal-ordni fl-inħawi fejn hemm l-akbar popolazzjonijiet tal-Lhud. Dan meta qed jintbagħtu l-pulizija addizzjonali lejn id-distretti ta’ Williamsburg, Crown Heights u Borough Park, bil-għan li jagħtu sens akbar ta’ sigurtà lin-nies tal-inħawi.