Internazzjonali

Turkija: Imressaq b’urġenza abbozz għall-istazzjonar tat-truppi fil-Libja

Imressaq b’urġenza abbozz

Il-Gvern Tork ressaq abbozz quddiem il-Parlament ta’ Ankara biex jikkonferma l-istazzjonar tas-suldati Torok fil-Libja. Dan il-pass, li tkellem dwaru l-Ministru Tork għall-Affarijiet Barranin, Mevlut Cavusoglu, qiegħed jaċċellera l-pjan ambizzjuż ta’ Ankara, ftit jiem biss wara li kienu mfassla d-dettalji.

Il-President Tork, il-ġimgħa l-oħra, qal li l-Gvern tiegħu kellu jfittex il-kunsens tal-Parlament biex jibgħat il-militar lejn il-Libja u wara li l-Gvern għall-Għaqda Nazzjonali fi Tripli, immexxi mill-Prim Ministru Libjan, Fayez al-Sarraj kien talab l-appoġġ tat-Turkija. Il-qawwiet alleati ma’ Sarraj qegħdin jirreżistu l-offensiva fuq Tripli mill-Armata Libjana tal-Lvant taħt it-tmexxija ta’ Khalifa Haftar – b’talaħħar jgħid li jrid ‘jeqred l-entitajiet tat-terroristi’ fid-diversi bnadi tal-kapitali.

Għalkemm, Erdogan qabel, kien qed jistenni li l-abbozz jgħaddi mill-Parlament fl-ewwel jiem ta’ Jannar, Cavusoglu, wara laqgħa, illum, mal-mexxejja tal-Oppożizzjoni Torok, sostna li għaddejjin tħejjijiet biex l-abbozz jitressaq quddiem il-Parlament fi kwistjoni ta’ sigħat.

It-Turkija diġà bagħtet il-provvisti militari lill-Gvern ta’ Sarraj minkejja l-embargo tan-Nazzjonijiet Uniti. Dan waqt li t-Tmexxija f’Ankara qed tagħmilha ċara li se tkompli tappoġġja lill-Gvern Libjan fi Tripli, meta l-qawwiet ta’ Haftar qegħdin jirċievu l-appoġġ mingħand ir-Russja, l-Eġittu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Ġordan.