Futbol Sport

Valletta jilħqu ftehim ma’ Miguel Alba

(Ritratt: Martin Agius)

Wara l-akkwist ta’ Triston Caruana, iċ-champions Valletta mistennija jagħmlu t-tieni akkwist f’dan is-suq tat-trasferimenti hekk kif laħqu ftehim biex jirritorna magħhom il-midfielder Arġentin Miguel Alba.

Is-Sibt li għadda, Alba ġie rilaxxat minn Birkirkara wara biss nofs staġun. Il-paġna ta’ Replay fuq facebook kienet irrappurtat li hemm interess minn tal-anqas żewġ klabbs tal-Kampjonat Premier iżda sa dakinhar ma kienet waslet l-ebda offerta uffiċjali lill-plejer. Jidher li Valletta ħadu deċiżjoni malajr u kkonkludew l-akkwist.

Dan it-trasferiment ifisser ritorn għal Alba wara li lagħab ma’ Valletta bejn Jannar tas-sena l-oħra u l-istaġun li għadda. Speċjalment fl-istaġun li għadda, Alba spikka mhux ftit hekk kif skorja 10 gowls fil-kampjonat minbarra diversi assists. Ma’ Valletta, Alba rebaħ darbtejn il-kampjonat, l-FA Trophy kif ukoll is-Super Cup u fl-MFA Awards ta’ din is-sena ġie magħżul bħala l-aqwa Plejer Barrani.

F’dan il-kampjonat, Alba lagħab tmien logħbiet u skorja erba’ gowls. Hu kien regolari fl-ewwel tmien logħbiet ta’ Birkirkara, b’eċċezzjoni tas-seba’ logħba kontra Ħamrun Spartans. Iżda fl-aħħar erba’ logħbiet tal-kampjonat u l-konfront kontra Nadur Youngsters fl-FA Trophy, Alba ma kienx fl-iskwadra mmexxija minn Andrè Paus.