“Erġajna bla dawl…”. Din hi l-frażi li l-familji, l-industrija u n-negozji se jkollhom jidraw jgħidu fix-xhur li ġejjin waqt li nkunu iżolati mill-grid Ewropew sakemm isiru t-tiswijiet fuq l-interconnector
Dan kien ikkonfermat mill-Enemalta, f’konferenza tal-aħbarijiet li ċ-Chairman Kevin Chircop u l-Kap Ezekuttiv Jason Vella sejħu b’urġenza, fis-7pm, Lejlet l-Aħħar tas-Sena.
B’hekk, kwalunkwe pjanijiet ta’ energy mix li tant ippoppa sidru bihom l-eks Ministru tal-Enerġija, Konrad Mizzi, sfaxxaw fix-xena. Dan hekk kif issa, l-ogħla uffiċjali tal-Enemalta kellhom jikkonfermaw li se jkollna nesperjenzaw blackout kull meta d-domanda għall-elettriku tkun akbar minn dak li tista’ tissupplixxi l-Enemalta mingħajr l-interconnector, partikolarment meta l-ħaddiema u l-istudenti se jkunu qed jirritornaw wara l-vaganzi tal-Milied.
L-interconnector ġarrab ħsarat enormi jumejn qabel il-Milied, għall-ħabta tat-7.30am, meta allegatament intlaqat minn ankra ta’ bastiment ftit anqas minn 45km ’il barra mix-Xatt ta’ Ragusa u 150 metru taħt il-livell tal-baħar.
L-uffiċjali tal-Enemalta kellhom jikkonfermaw ukoll kemm fil-verità, l-interconnector hu ta’ importanza assoluta fil-provvista tal-elettriku, hekk kif fil-ħin tal-ħsarat, kien qed jissupplixxi aktar minn nofs tal-elettriku għad-domanda li hawn, filwaqt li tal-Electrogas kellha madwar 15% biex b’hekk ħoloq żbilanċ kbir fuq l-impjanti lokali u kkawża shutdown totali.
B’hekk joħroġ kif l-interconnector huwa provvista ta’ elettriku li joffri kumdità u serħan il-moħħ fil-grid tal-elettriku tal-gżejjer Maltin filwaqt li jimminimizza kemm jista’ jkun id-drabi li jinqata’ d-dawl.
L-istess interconnector sar frott il-viżjoni ta’ Gvern Nazzjonalista u b’fondi tal-Unjoni Ewropea, fost kritika tal-Partit Laburista, dak iż-żmien fl-Oppożizzjoni.
Kawża ta’ dan, l-Enemalta bilfors qegħda tiddependi fuq impjanti antiki li jaħdmu bid-diesel biex tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ flessibbiltà tal-interconnector. B’hekk, il-probabbiltà li jinqalgħu aktar ħsarat fl-impjanti lokali hija kbira u d-dawl jieħu l-ħin biex jiġi lura.
L-ispiża tas-survey se tammonta mal-miljun ewro filwaqt li t-tiswija tal-ħsarat fuq l-interconnector għad irid jiġi stabbilit. Dawn tant se jdumu li l-Enemalta ġabel kull skuża biex jiġġustifikaw id-dewmien, bil-poplu Malti u Għawdxi se jkollu jħallas ukoll €150,000 kuljum, jew ta’ €1.05 miljuni fil-ġimgħa biex jagħmel tajjeb għall-pjan ta’ riżerva għall-provista tal-elettriku.
Minkejja l-pjan, id-dawl inqata’ 3 darbiet, propju dakinhar fit-7.45pm, imbagħad il-Ħadd li għadda fis-5.45pm, primarjament kawża ta’ domanda ogħla mill-provista li kienet qed tissuplixxi l-Enemalta, u tat-Tnejn f’12.05pm fil-powerstation tal-Electrogas minħabba ħsarat tekniċi.
F’każ li s-sitwazzjoni tippersisti sas-sajf, jew sitwazzjoni simili tirrepeti fis-sajf, l-unika assigurazzjoni ta’ provista tal-elettriku li tat l-Enemalta kienet f’każ li l-impjanti kollha jaħdmu. Ħsara f’xi wieħed mill-impjanti lokali tkompli tgħarraq is-sitwazzjoni.
Tant kemm il-Partit Laburista ma kellu ebda pjan konkret fl-enerġija wara 7 snin ta’ dan il-Gvern li l-Enemalta ammettiet li fil-preżent, reġgħet lura għas-sitwazzjoni daqslikieku ma hemmx l-interconnector u l-powerstation tal-gas.
Minkejja xi studju li qed isiru bħalissa għall-istrateġija 2020-2035, mistoqsija minn NET News x’pjanijiet għandha l-Enemalta f’każ ta’ ħsarat mill-ġdid fl-interconnector jew xi impjant lokali quddiem id-domanda dejjem tiżdied għall-elettriku, it-tmexxija farfret fuq spallejn il-Ministru tal-Enerġija, Joe Mizzi biex jinvestux f’interconnector ġdid jew powerstation oħra.
Bi tweġiba għat-talba tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Lukandiera u r-Ristoranti, l-MHRA, għall-kumpens lill-industrija, it-tmexxija qalet li se tevalwa t-talba każ b’każ iżda biex tfarfar, it-tmexxija qalet li hija kostretta timxi mar-regolamenti tal-provista tal-elettriku.
//= $special ?>