Ambjent Ekonomija Kummerċ Lokali Xjenza u Teknoloġija

Blackouts konferma tal-falliment tal-monument tal-korruzjoni

Il-Gvern għandu jagħmel tajjeb għad-danni

Qatt f’pajjiżna fl-aħħar tletin sena, ma kellna qtugħ tal-provvista tal-elettriku daqs dawn l-aħħar jiem. Ta’ dan ma jaħtux il-ħaddiema tant ħabbrieka tal-Enemalta. Jaħti biss il-Gvern Laburista. Dan ir-rekord negattiv li qed itellef ħafna negozju u jikkawża tbatija lil bosta familji speċjalment f’dawn il-ġranet kesħin, huwa riżultat ta’ Gvern Laburista inkompetenti mmexxi minn Prim Ministru caretaker korrott li huwa mifni bi problemi waħda wara l-oħra.

Dan saħqu l-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Enerġija u Immaniġġjar tal-Ilma, David Agius, fi stqarrija t-Tlieta.

L-Oppożizzjoni tesiġi li jiġu ppubblikati l-fatti kollha dwar ir-raġuni għalfejn fl-aħħar jiem, kien hemm bosta drabi fejn diversi rħula u bliet madwar Malta u Għawdex, u saħansitra fi ġranet minnhom il-pajjiż kollu, spiċċa bla provvista tal-elettriku. Il-poplu għandu dritt ikun jaf il-verità. Il-poplu fehem li t-tanker ġgant li poġġew Muscat u sħabu f’Marsaxlokk huwa mhux biss simbolu tal-korruzzjoni li fniet lil dan il-Gvern iżda huwa proġett li falla.

Fl-aħħar sigħat, fuq il-mezzi soċjali, ġie allegat li hemm problemi serji biex titħaddem il-power station il-ġdida magħrufa bħala monument tal-korruzjoni li ried ibella’ lill-poplu l-Gvern ta’ Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri flimkien ma’ sħabhom tal-kabinett. Saru wkoll allegazzjonijiet li din il-problema ta’ qtugħ ta’ dawl se tiżdied malli bosta ħaddiema jirritornaw għax-xogħol il-ġimgħa d-dieħla.

Fid-dawl tal-fatt li l-Prim Ministru caretaker korrott jinsab siket dwar dan kollu, l-aġent Prim Ministru Chris Fearne għandu jippubblika l-fatti u jgħid il-verità lill-poplu Malti. Il-poplu Malti m’għandux iħallas il-prezz tal-inkompetenza tal-Gvern Laburista.

L-Oppożizzjoni tappella lil dawk kollha li soffrew minn danni minħabba qtugħ tal-provvista tal-elettriku sabiex isemmgħu leħinhom. Dawn se jsibu l-Partit Nazzjonalista warajhom biex il-Gvern Laburista jagħmel tajjeb għad-danni li soffrew u li qed isofru.