Sport Sport Ieħor

Diane Schembri Xerri u Brandon Spiteri bi prestazzjonijiet pożittivi fi Sqallija

Diane Schembri Xerri u Brandon Spiteri temmew is-sena bi ġlieda fi Sqallija waqt is-serata Evlution Fight. Schembri Xerri ġġieldet fil-kategorija tal-55 kilogramm fil-livell ta’ Klassi A filwaqt li Spiteri ġġieled fil-kategorija tas-77 kilogramm.

Schembri Xerri ħabbtitha kontra t-Taljana Luciana Germano f’bout ta’ tliet rawnds ta’ żewġ minuti kull rawnd. Minkejja li tilfet bil-punti, hi kellha wirja pożittiva u għaliha kienet ġlieda importanti fil-karriera ta’ Schembri Xerri. Dan minħabba l-fatt li Germano tiġġieled fuq livell professjonali b’esperjenza vasta kemm fil-K1 kif ukoll fil-Muay Thai.

Brandon Spiteri għamel ir-ritorn tiegħu fir-ring wara li kien ilu nieqes mix-xena kompetittiva fix-xena internazzjonali għal dawn l-aħħar ħames snin. Spiteri kkompeta kontra t-Taljan Eric Pastore f’bout ta’ tliet rawnds ta’ żewġ minuti kull wieħed. Spiteri wera teknika sabiħa b’serje ta’ daqqiet kordinati u b’saħħithom, biex ħareġ rebbieħ fir-rawnds kollha u b’hekk kiseb rebħa mistħoqqa.

Iż-żewġ atleti kienu taħt it-tmexxija ta’ Master Noel Mercieca li sostna kemm jinsab kburi bl-istudenti tiegħu wara s-sagrifiċċji kbar li għamlu tul is-sena. Dawn kienu l-aħħar avvenimenti f’sena mimlija għal Ying Yang Team Noel Kickboxing Club b’diversi riżultati f’oqsma differenti fil-kickboxing, K1 u boxing.