Lokali

F’għeluq snin Muscat – Fenech mistieden, il-Kabinett le

Ħadd mill-Kabinett tal-Ministru ma kien mistieden għall-Festin organizzat mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’għeluq sninu, fil-Palazz tal-Girgenti. Dan minkejja li kienu mistiedna bejn 50 u 70 persuna … suppost qrib il-Prim Ministru.

Wara din l-informazzjoni żvelata fis-sit elettroniku Lovin Malta, wieħed jinnota kif għalkemm ħadd mill-Kabinett ma kien mistieden, Muscat għoġbu jistieden lil Yorgen Fenech, li hu involut fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Min-naħa tiegħu, l-Uffiċju tal-Prim Ministru qal li s-Servizzi tas-Sigurtà qalu lil Muscat biex jiġi mistieden Fenech ħalli ma jqumux suspetti li qed jiġi investigat. Iżda din il-verżjoni hi diffiċli biex titwemmen, speċjalment meta ħadd mill-Kabinett ma kien mistieden.Din twassal għal spjegazzjoni waħda: li Muscat jitratta lil Yorgen Fenech ferm aktar viċin tiegħu mill-membri tal-Kabinett li hu stess għażel. Ftit tal-jiem ilu kien żvelat ukoll kif Muscat, waqt dan il-festin, ingħata tlett ifliexken b’valur ta’ ftit anqas minn €6,000 mingħand l-istess Yorgen Fenech, li hu wkoll sid 17 Black, il-kumpanija sigrieta li nfetħet f’Dubaj.