Lokali

Fl-aħħar tas-sena Muscat b’messaġġ diviżiv

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat mar fuq l-istazzjon tar-radju tal-Partit Laburista biex jiżvoga f’attakki bla preċedent lejlet il-bidu ta’ sena ġdida.

Fil-fatt, Muscat uża’ l-ħin tal-intervista biex jattakka direttament lill-eks Prim Ministri Nazzjonalisti Eddie Fenech Adami u Lawrence Gonzi, f’dik li tidher li hi mossa sistematika tal-Partit Laburista, bħalma qed jagħmel id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne waqt il-kampanja tiegħu fil-ġlieda għat-tmexxija tal-Labour.

Sal-aħħar jiem qabel ma jwarrab minn Kastilja, Muscat kompla jipprova jbiddel l-istorja ta’ pajjiżna, fost l-oħrajn billi jżeffen fin-nofs lil Karin Grech u Raymond Caruana – żewġ vittmi politiċi ta’ inċidenti koroh li ironikament, seħħew fi żmien Gvernijiet Laburisti.

Fl-istess waqt, hu qal li jitla’ min jitla’ bħala suċċessur tiegħu, hu se jkun qed jesprimi l-fiduċja tiegħu lejh. Anke għax iħossu kuntent bil-legat li se jkun qed iħalli warajh.

Dan minkejja li bħalissa, il-partitarji Laburisti qed iħossuhom traduti mill-istat li spiċċa fih il-Partit Laburista grazzi għad-deċiżjonijiet żbaljati u l-kilba għall-poter minn Muscat innifsu.

Min-naħa tagħhom, kemm Chris Fearne u anke Robert Abela qalu li se jkunu qed jimxu fuq il-passi tal-Mexxej attwali, anke għax iħossu kuntent bil-legat li se jkun qed iħalli warajh.

Hu pprova jistaħba wara l-iskandlu tar-rigali kontroversjali li fl-aħħar jiem inqabad li ngħata billi qal li l-lista li tħalliet fi tmiem l-Amministrazzjonijiet Nazzjonalisti mhux impressjonanti għalih. Dan minkejja li jinkludu ikoni storiċi u ta’ ringrazzjament li diversi mexxejja internazzjonali kienu taw lil Prim Ministri differenti u fuq kollox, lill-poplu Malti u Għawdxi.

Minflok, hu qal li bil-lista ppubblikata minn NET News, hemm min ried jilgħabha tal-Qaddis. Dan filwaqt li kkonferma li l-arloġġ esklussiv li ngħata minn Yorgen Fenech fl-okkażjoni tas-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea hu l-uniku wieħed li ngħata lill-Istat … f’kontradizzjoni għal kliemu stess meta pprova jallega li Prim Ministri oħrajn ingħataw rigali simili.

U filwaqt li ma għamel l-ebda referenza għat-tlett ifliexken inbid li ngħata u li swew ftit anqas minn 6,000 ewro, fl-ebda ħin ma spjega lanqas li r-rigali lill-Istat ikunu dawk mogħtija minn Kapi ta’ Stati oħrajn u mhux minn xi kumpanija privata bħal dawn li ngħataw lil Muscat.