Lokali

Għada nibdew deċenju ġdid

Filwaqt li xi partijiet tad-dinja diġà bdew is-sena l-ġdida, aħna ninsabu ftit sigħat biss bogħod milli nsellmu l-2019 u nilqgħu l-2020. Għaldaqstant, illejla mhux biss tmiem ta’ sena, iżda anke tmiem ta’ deċenju.

Bħal kull sena, il-Maltin jiċċelebraw b’modi differenti. Ħafna mistnenija jinġabru għaċ-ċelebrazzjonijiet pubbliċi li f’dawn l-aħħar snin bdew jittellgħu fil-Belt Valletta.

Oħrajn iqattgħu dawn l-aħħar sigħat f’ristoranti u lukandi, jew f’xi party fi stabbiliment tad-divertiment. Ma jonqsux ukoll parties privati fir-residenzi ta’ xi ħbieb jew qraba.

Iżda għal ħafna oħrajn, dan il-lejl se jkun wieħed ta’ xogħol: ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, tal-ospitalità u l-catering, Pulizija, membri tal-Armata u membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.

Għal dawn tal-aħħar, it-tama hi li dan il-lejl ma jkunx wieħed impenjattiv minħabba inċidenti. Għalhekk intennu l-appell biex kulħadd igawdi l-festi b’mod sigur u jiftakar li għandu min qed jistennieh lura d-dar.